Ambjent Lokali

X’se jiġri mill-applikazzjoni fil-Belt Valletta ta’ Pawlu Lia?

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar se jiltaqa’ llum biex jiddiskuti l-applikazzjoni fuq dar tas-seklu 18 f’Old Bakery Street, kantuniera mat-Teatru l-Qadim, fil-Belt Valletta.

Din l-applikazzjoni ġiet mill-avukat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Pawlu Lia, biex jestendi l-ogħla livell ta’ blokka ta’ uffiċini fil-Belt Valletta biex issir boardroom. L-avukat ta’ Joseph Muscat diġa kellu parti mill-applikazzjoni tiegħu aċċettata meta kien applika għal żewġ sulari addizzjonali.

Skont id-Direttorat tal-Ippjanar, il-Kumitat Konsultattiv tad-Disinn ma sab l-ebda oġġezzjoni għall-proposta iżda l-fatt li l-istruttura ma tkunx imnaqqsa daqs kemm hi dik tal-proprjetajiet viċini jfisser li l-proġett propost imur kontra l-prattiċi tal-Awtorità tal-Ippjanar. Filfatt id-direttorat irrakkomanda l-applikazzjoni biex tkun irrifjutata.

Il-proġett propost minn Pawlu Lia, li qed ikun imsejjaħ il-proġett tat-torrijiet tal-Belt Valletta, ġibed oġġezzjonijiet mill-NGOs Flimkien għal Ambjent Aħjar u Din l-Art Ħelwa. Astrid Vella kordinatur tal-FAA qalet li l-proġett kien sejjer jeqred l-orizzont protett tal-Belt Valletta u l-karattru tiegħu.

Il-president ta’ Din l-Art Ħelwa, Alex Torpiano, wissa li hemm riskju li jinħoloq preċedent perikoluż.