Żagħżugħ ta’ 22 sena mixli b’sejba ta’ madwar 800 gramma droga f’karozza u garaxx f’Ħal Balzan ingħata l-libertà provżorja fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €10,000 fil-kumpilazzjoni li saret quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri. Huwa jrid jiffirma ukoll kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal u għandu ħinijiet ristretti x’ħin joħroġ mid-dar.
Cliven Mallia minn Santa Venera li jaħdem bħala ‘cab driver’ qed jiġi mixli li fil-5 ta’ Mejju kellu fil-pussess tiegħu l-kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għal użu esklussiv tiegħu. L-Ispettur Jonathan Cassar, kien qal fil-Qorti li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li kienet qed tinbiegħ d-droga minn Ħal Balzan.
L-Ispettur spjega fil-Qorti li kienu qed jaghmlu osservazzjonijiet fuq karozza Kia li kienet qed taċċessa komun ta garaxxijiet. Gew innutati xi manuvri li kien qed jaghmel u waqt li kienu f’Santa Venera waqqfu lix-xufier li kien fil-preżenza ta persuna ohra, li allegatament kienet qed tixtri d-droga.
Qal li x-xufier pprova jirriversja u ma riedx jiftaħ il-bieba, mbaghad waqaf u kellhom ikissru l-ħġieġa tal-karozza fejn fil-vettura instabu 10 gr cannabis u flus kontanti ta’ ‘l fuq minn €3,000.
Ix-xhud kompla jgħid li fil-vettura kien hemm passiġġier mal-akkużat. Sadanittant il-Pulizija infurmaw lill-akkużat li kienu se jagħmlu tfittxija fil- garaxx minn fejn kienu rawh joħroġ u fetħu l-istess garaxx b’xi ċwievet li sabu fl-istess vettura.
Kif marru jagħmlu tfittxija instabet iktar droga, madwar 750 gramma kannabis u boroż bit-traċċi tad-droga. Il-passġġier qal li hu kien fil-vettura għax ried jixtri mingħand Mallia u fil-fatt l-Ispettur urih xi messaġġi li juru dan. L-istess messaġġi nstabu fuq il-mobile ta’ Mallia .
Minn naħa tiegħu l-akkużat irrilaxxa stqarrija fejn ma weġibx għal xi domandi iżda aċċenna li għandu l-vizzju tad-droga. Sadanittant xehed ukoll il-passiġġier iżda bil-magħluq. Il-Pulizija kienet marret fuq il-post u ġibdet filmati taż-żagħżugħ ħiereġ mill-garaxx b’karozza. Għal Mallia qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia. Il-każ ikompli.
//= $special ?>