Coronavirus Lokali

10 każi ġodda – 5 oħra ifiqu

Matul l-aħħar 24 siegħa kienu reġistrati 10 każi ġodda minn 1,500 test li saru matul l-istess ħin. Dan tħabbar mis-Supritendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, waqt il-bulletin mediku ta’ kuljum.

Dan ifisser li in-numru ta’ każi f’Malta tela’ għal 532. Matul l-aħħar 24 siegħa, fiequ ħames persuni oħra li jfisser li 448 persuna issa fiequ mill-virus. Meta jitnaqqsu is-sitt persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom, in-numru ta’ każi attivi hu ta’ 78.

Bi tweġiba għal mistoqsija ta’ Netnews.com.mt, il-Professur Charmaine Gauci reġa’ qabad it-tela’ l-R-factor, jew ir-rata illi turi kemm qed jinfirex il-Coronavirus f’pajjiżna, hekk kif wara li konna rnexxielna nniżluh taħt il-wieħed, issa reġa’ qiegħed 1.3. 

Dan wara li fl-aħħar gimgħa reġgħu telgħu in-numru tal-każi, meta qabel kien qed ikollna każ wieħed jew tnejn kuljum. Biss biss, fl-aħħar jumejn ġew irreġistrati 24 każ ġdid, u fl-aħħar ġimgħa kelna total ta’ 43 każ ta’ Covid-19 f’pajjizna, hekk kif għalaqna l-għaxar ġimgħa ta’ emerġenza medika.

Minkejja dan, meta mistoqsija dwar miżuri li jistghu jittiehdu fil-ġranet li ġejjin, il-Professur Charmaine Gauci tat x’tifhem li se jkomplu jkunu rilaxxati r-restrizzjonijiet b’aktar ftuħ ta’ negozji.

Dwar is-sitazzjoni kemxejn konfuża li sabu ruħhom fiha l-anzjani, li jistgħu imorru s-supermarkets iżda li mhux jitħallew jidħlu fi ħwienet oħra, hija qalet li kemm jista jkun dawk l-aktar vulernabbli għandhom jevitaw li jmorru f’postijiet ħlief għall-affarijet essenzjali. Hi fakkret ukoll li l-maskra trid tintlibes minn kull min ikun qed jagħmel użu mit-trasport pubbliku.