15 TA’ MEJJU 2002
Tmintax-il sena ilu, Real Madrid rebħu l-UEFA Champions League għad-disa’ darba fl-istorja tagħhom b’rebħa ta’ 2-1 kontra Bayer Leverkusen fil-finali li ntlagħbet f’Hampden Park. Bidu tajjeb minn Real Madrid li wara biss disa’ minuti fetħu l-iskor f’azzjoni mhux solita. Kien throw-in fit-tul ta’ Roberto Carlos mix-xellug lejn Raul Gonzalez li b’xutt imkaxkar għeleb lil Hans-Jorge Butt.
Bayer Leverkusen wettqu reazzjoni immedjata u ħames minuti wara ġabu d-draw. Minn free-kick mix-xellug ta’ Bernd Schneider, għola tajjeb id-difensur Brażiljan LUCIO li antiċipa lil Fernando Hierro u skorja b’daqqa ta’ ras. It-tim ta’ Vicente del Bosque skorja l-gowl li spiċċa biex fisser il-gowl tar-rebħa. Kross ta’ Roberto Carlos mix-xellug wasal għand Zinedine Zidane li b’konklużjoni mill-ewwel bix-xellug, ma tax ċans lil Butt, f’dak li hu meqjus bħala gowl li se jibqa’ fl-istorja tal-kompetizzjoni.
Lejn tmiem il-partita, spikka l-gowlkiper Iker Casillas li salva diversi tentattivi tat-tim Ġermaniż. Wara l-partita, il-President tal-UEFA Lennart Johansson ippreżenta t-trofew prestiġjuż lill-captain ta’ Real Madrid Fernando Hierro.
//= $special ?>