Futbol Sport

37 SENA ILU: Malta megħluba minn Spanja b’gowl fl-aħħar sitt minuti

15 TA’ MEJJU 1983

It-tim nazzjonali Malti kien viċin li jikseb riżultat mill-aktar prestiġjuż kontra l-qawwa Spanjola. Seba’ u tletin sena ilu quddiem 7,550 spettatur, Malta kienet megħluba 3-2 fl-Istadium Nazzjonali b’gowl fl-aħħar sitt minuti. It-tim Malti taħt it-tmexxija ta’ Victor Scerri, kien mingħajr l-aħwa Xuereb, Mario Farrugia u John Holland. Fil-logħba spikka Carmel Busuttil li skorja doppjetta fejn saħansitra poġġa lit-tim Malti fil-vantaġġ.

Spanja fetħet l-iskor fil-21 minuta bi free-kick sabiħ ta’ Senor li għeleb lil John Bonello, bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel daħal fix-xibka. It-tim Malti ġab id-draw man-nofs siegħa logħob b’passaġġ ta’ Leli Fabri lejn Carmel Busuttil li għeleb lil Arconada b’xutt sabiħ fir-rokna.

Bidu mill-aqwa għal Malta fit-tieni taqsima hekk kif marret fil-vantaġġ fis-47 minuta. Il-grawnd sploda bil-ferħ meta Carmel Busuttil xeħet f’xibka vojta wara li Arconada kien salva parzjalment xutt bid-dawra ta’ Silvio Demanuele. Spanja ġabet id-draw mas-siegħa logħob b’xutt għar-rokna ta’ Carrasco. Il-gowl li qasam il-qlub tal-Maltin wasal fl-84 minuta b’finta ta’ Santillana qata’ lil kulħadd biex daħal Gordillo u b’xutt sabiħ għeleb lil Bonello.