Futbol Sport

Club Brugge ddikjarati champions tal-Belġju

Club Brugge ġew iddikjarati champions tal-Belġju llum wara li l-Jupiler Pro League rratifika r-rakkomandazzjoni tax-xahar li għadda li jitwaqqaf il-kampjonat, kawża tal-Covid-19. Club Brugge kellhom vantaġġ aktar minn komdu ta’ 15-il punt, b’logħba għat-tmiem l-istaġun regolari. Dan hu s-17-il titlu għalihom, it-tielet wieħed fl-aħħar ħames snin u b’hekk assiguraw posthom fil-gruppi tal-UEFA Champions League.

Il-Belġju kien l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li temm l-istaġun tal-futbol, ftit ġimgħat wara li kien sospiż f’nofs Marzu. Id-deċiżjoni li saret mill-bord tal-Jupiler Pro League iżda kellha tistenna li tkun ratifikata mill-klabbs.

Il-bord iddeċieda wkoll li KAA Gent li spiċċaw it-tieni, jikkwalifikaw għat-tielet rawnd tal-UEFA Champions League. Sporting Charleroi li temmew it-tielet, jidħlu fil-gruppi tal-Europa League filwaqt li Royal Antwerp u Standard Liege kkwalifikaw għat-tielet u t-tieni rawnd tal-Europa League.

Iżda l-finali tat-Tazza Belġjana bejn Club Brugge u Royal Antwerp għadha trid tintlagħab. Jekk il-logħba tista’ tintlagħab qabel it-3 ta’ Awwissu u Antwerp jirbħu, jikkwalifikaw direttament minflok Charleroi. Ġie deċiż ukoll li Waasland-Beveren ikunu relegati u se ssir play-off għal min ikun promoss.