Internazzjonali

COVID-19: Espert iwissi dwar ‘xitwa mdallma’ għall-Istati Uniti

Eks uffiċjal tas-saħħa ewlieni fl-Istati Uniti informa lill-Kungress Amerikan li l-pajjiż kapaċi jiffaċċja ‘l-aktar xitwa mdallma fl-istorja moderna’ minħabba l-effetti tal-coronavirus.

Dan l-uffiċjal, Rick Bright, kien imexxi lill-aġenzija tal-Gvern li qed tipprova tiżviluppa vaċċin għal kontra l-Covid-19 qabel tneħħa mill-kariga, ix-xahar li għadda.

Bright qed jinsisti li tneħħa wara li ma riedx jippromwovi mediċina ‘għal kontra l-Covid-19’ li ma għaddietx mill-provi neċessarja. Hu kompla li l-President Amerikan, Donald Trump, kien qed ifisser din il-mediċina bħala ‘waħda bil-kapaċità li tagħmel id-differenza’ f’din il-kriżi.

Fl-istess ħin, Rick Bright informa lil sottokumitat dwar is-saħħa mal-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana li ‘il-ħajja ntilfet minħabba li l-Gvern naqas milli jieħu azzjoni f’waqtha matul il-fażijiet bikrija tal-pandemija.’

Hu spjega li, f’Jannar, kien wissa dwar in-nuqqas ta tagħmir mediku u fejn qajjem l-issue ‘mal-ogħla livelli tad-Dipartiment tas-Saħħa u Servizzi Umani’ — iżda baqa’ bla tweġiba. Bright kompla li ‘qed tingħalaq it-tieqa ta’ opportunità għall-Istati Uniti biex tikkontrolla l-virus’  u li ‘nuqqas ta’ reazzjoni xierqa mill-pajjiż għandu jwassal għal pandemija agħar u fit-tul’.

Min-naħa tiegħu, il-President Donald Trump irrefera għal Bright biss bħala ‘impjegat urtat’.

Sallum mietu total ta’ 85,807 persuna mill-coronavirus fl-Istati Uniti. Dan meta l-Istat ta’ New York għandu l-akbar ċifra tal-vittmi (27,607) fil-pajjiż.

Intant, il-leġislatura fl-Istat ta’ Michigan kellha tħassar sessjoni wara li l-membri tagħha rċevew it-theddid kontra ħajjithom, Dan fost indikazzjonijiet ta’ protesti ġodda mill-membri armati ta’ gruppi tal-lemin li qegħdin imexxu attivitajiet kontra l-lockdown.