Internazzjonali

COVID-19: Is-Slovenja ssir l-ewwel pajjiż Ewropew li ‘ħeles mill-virus’

Is-Slovenja qed tħejji digriet li jiddikjara ‘konklużjoni’ għall-epidemija tal-coronavirus ( Covid-19) f’artha.

Id-digriet isir effettiv mill-aħħar ta’ dan ix-xahar u meta l-Prim Ministru tas-Slovenja, Janez Jansa, qed isostni li pajjiżu għandu ‘l-aqwa status epidemjoloġiku fl-Ewropa.

Sadanittant, hemm xi pajjiżi li kapaċi jikkuntestaw it-titlu ‘tal-pajjiż li ħareġ l-aħjar mill-kriżi’.

Filwaqt li s-Slovenja rappurtat biss 35 infezzjoni bil-coronavirus fl-aħħar ġimgħatejn, ir-Repubblika ta’ Montenegro – Stat ieħor fir-reġjun tal-Balkani – ilha aktar minn ġimgħa ma tirrapporta każi ġodda tal-Covid-19.

It-tmiem uffiċjali tal-epidemija għandha tippermetti biex iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jaqsmu minn aċċessi speċifikati mal-fruntieri mingħajr ħtieġa li joqgħdu għall-kwarantina.

Iżda persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi li mhumiex imsieħba fl-UE xorta jridu jgħaddu minn ġimgħatejn ta’ iżolament, bħala prekawzjoni kontra l-firxa potenzjali tal-marda.

Filwaqt li ż-żmien tad-digriet jippermetti biex is-Slovenja tiddikjara ‘trijonf fuq il-coronavirus’ ( bħala l-ewwel Stat Ewropew li jkun laħaq dan il-punt), xi osservaturi ma jeskludux li kapaċi hemm ukoll element ta’ ‘konvenjenza’ minbarra ‘ħsieb prattiku’ wara d-dikjarazzjoni.

Dan għaliex dikjarazzjoni tal-pajjiż bħala ‘virus-free’ għandha twaqqaf l-estensjoni awtomatika ta’ għajnuna ta’ emerġenza lill-individwi u n-negozji tas-Slovenja – u liema għajnuna, issa, għandha tieqaf lejn l-aħħar tax-xahar.

Skont l-aħħar ċifri, ‘il fuq minn 1.5 miljuni madwar id-dinja fiequ mill-coronavirus.  Mill-banda l-oħra, il-marda swiet il-ħajja ta’ madwar 300,000 fuq livell globali.

Is-Slovenja, membru tal-UE għandha popolazzjoni ta’ żewġ miljuni u, fl-aħħar ħmistax, kienet irrappurtat biss numru żgħir ħafna ta’ każi ta’ infezzjoni ( għal kuljum).

B’kollox, fis-Slovenja, hemm 1,646 każ ta’ Covid-19 u 103 mewta. Intant, ‘il quddiem mgħandhiex tkun imposta kwarantina f’każi fejn persuna tkun qed tivvjaġġa lejn dan il-pajjiż minn Stat membru ieħor tal-Unjoni.