Internazzjonali

Covid-19: L-aħħar żviluppi mill-Ewropa…

Ir-riċerkaturi fil-Belġju qalu li l-pajjiż irreġistra l-ogħla rata ta’ mortalità (dovut għall-Covid-19) għax-xahar ta’ April minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Ir-riċerkaturi mal-Università ta’ Vrije, fi Brussell, qalu li l-kapitali Belġjana u l-belt ta’ Mons intlaqtu ‘partikularment ħażin’ fiċ-ċirkustanzi.

It-tliet pajjiżi Baltiċi – il-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja – reġgħu bdew il-moviment ħieles qalb zona komuni magħrufa bħala ‘The Baltic bubble’. L-ivvjaġġar f’din iz-zona jista’ isir mill-ajru, mill-art u mill-baħar.

Ir-Russja dikjarat 10,598 infezzjonijiet ġodda u 113-il mewta ġdida mill-Covid-19 għal perjodu ta’ 24 siegħa. Il-pajjiż issa għandu qrib il-263,000 infezzjoni u r-rata tal-każi ġodda minn ġurnata għall-oħra qed tagħti lok għal tħassib kbir.

L-ogħla kampjonat tal-futbol (il-Bundesliga) ikompli għada ( is-Sibt) fil-Ġermanja…Madankollu, stħarriġ ta’ opinjoni fil-pajjiż jissuġġerixxi li mas-56 fil-mija tal-Ġermaniżi jemmnu li dan il-pass qed jittieħed kmieni wisq fiċ-ċirkustanzi.

Il-pulizija fl-Ingilterra u f’Wales imponew ‘il fuq minn 14,000 multa ( ċitazzjoni) lin-nies għall-ksur ta’ regolamenti tal-lockdown.

Il-Prim Ministru tal-Iżvezja, Stefan Lofven, iddefenda d-deċiżjoni kontroversjali tal-pajjiż biex jevita lockdown f’din il-kriżi waqt li sostna li ‘din mhix sitwazzjoni fejn miżura partikulari hi tajba għal kulħadd’. Lofven tenna li sezzjonijiet tal-media rappurtaw ħażin dwar il-politika tal-Iżvezja ‘fejn il-ħajja mhix għaddejja bħan-normal’ u meta ‘ħafna nies mhumiex joħorġu mid-dar’.