Internazzjonali

Covid-19: L-ekonomija tal-Ġermanja spiċċat f’riċessjoni

L-ekonomija tal-Ġermanja naqset bi 2.2 fil-mija fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, meta l-pandemija tal-Covid-19 tefgħet lill-pajjiż f’riċessjoni. Din kienet l-akbar daqqa ‘l isfel – minn lat ekonomiku—għall-Ġermanja mill-2009, meta l-pajjiż kien mifni mill-kriżi finanzjarja globali.

Iċ-ċifri ħarġu mill-Uffiċċju Federali għall-Istatistika, fi żmien meta l-Ġermanja qed toħroġ, ftit ftit, mil-lockdown — bil-ħwienet qegħdin jerġgħu jiftħu u bl-istudenti qegħdin jirritornaw għal-lezzjonijiet.

Intant, iċ-ċifri għall-aħħar tliet xhur tal-2019 kienu riveduti biex juru tnaqqis ta’ 0.1 fil-mija għall-ekonomija tal-Ġermanja. Dan ifisser li l-Prodott Gross Domestiku (GDP) tal-pajjiż kien negattiv għal żewġ perjodi ( speċifiċi) konsekuttivi, fost definizzjoni teknika ta’ riċessjoni.

Il-Ġermanja hi l-akbar ekonomija tal-Ewropa u l-aħħar indikazzjonijiet, minkejja li negattivi, mhumiex ħżiena daqs ta’ Franza, li reġistrat tnaqqis ekonomiku ta’ kważi sitta fil-mija u l-Italja, bi tnaqqis ta’ kważi ħamsa fil-mija.