Coronavirus Lokali

COVID-19: Riċerka turi biċ-ċar li l-għajnuna tal-Gvern għadha inadegwata

“Mhux kulħadd ser ikollu l-enerġija biex jerġa’ jibda” – Abigail Mamo

“F’numru ta’ każijiet l-għajnuna tal-Gvern għadha waħda inadegwata b’mod partikulari fejn għandu x’jaqsam Part-Timers.” 

Riċerka mwettqa mill-NCFR preżentata minn Suzanne Piscopo, membru mic-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka tal-Familja, waqt konferenza virtwali uriet li ċertu termini u kundizzjonijiet tal-moratorji fuq il-ħlas tad-dejn mhux qed ikun ta’ assistenza f’ċertu każi fejn għandu x’jaqsam nies vulnerabbli.

Hija spjegat li fl-aħħar ġimgħat, minn mindu pajjiżna daħal f’din il-kriżi pandemika, bosta spiċċaw milquta negattiv materjalment b’nuqqas ta’ impjiegi, tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ sigħat xogħol u paga.

Dan ħareġ waqt diskussjoni virtwali organizzata minn National Centre for Family Research f’okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Familja fejn Suzanne Piscopo saħqet li fil-ġimgħat li għaddew ġie nnotat ukoll li t-talbiet għall-użu ta’ xelters f’pajjiżna żdied. Kosegwenza ta’ dan kollu żiedu l-problemi ta’ saħħa mentali. Kawża tal-impatt emozzjonali konsegwenza tal-iżolazzjoni u l-biża’ li dawn iż-żminijiet qed iġibu magħhom kemm ta’ saħħa kif ukoll finanzjarja.

Hija spjegat ukoll li r-riċerka uriet li bosta qed iħossuhom magħluqin f’gaġġa b’uħud iridu jħabbtu wiċċhom mal-istorbju u trabijiet ġejjin minn xi sit jew siti ta’ kostruzzjoni fil-viċinanzi.

Dan filwaqt li l-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber tal-SMEs, Abigail Mamo, saħqet li bosta negozjanti qed jaraw il-business tagħhom sejjer ħażin, negożju li ilhom jaħdmu għalieh snin twal. Hija saħqet li l-biża’ hija li bosta qed jaraw il-ħidma tagħhom tikkrolla u mhux kulħadd ser ikollu l-enerġija jerġa’ jqum fuq saqajh.

Tkellem ukoll il-Professur Neville Calleja fejn saħaq li ħadd ‘l isfel minn Alla ma jaf meta pajjiżna ser joħroġ minn din il-pandemija. Għaldaqstant saħaq li jrid jinstab bilanċ bejn l-Ekonomija u s-Saħħa Pubblika mingħajr ma waħda toqtol lill-oħra.

Ritratt: Martin Agius

Id-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Edukattivi, Maria McNamara sostniet li fid-dinja li qed ngħixu fiha illum hemm numru ta’ tfal li qed isibuha ferm diffiċli jiftħu qalbhom mal-counsellors. Dan huwa kkawżat kemm minħabba l-fatt kawża tal-limitazzjonijiet diġitali li jkollhom id-dar kif ukoll kawża li l-problemi jaf ikunu fid-dar tagħhom stess u għaldaqstant ma jħossuhomx siguri jitkellmu.

Dan filwaqt li d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo sostna li hawn numru ta’ familji, b’mod partikolari fit-tramuntana ta’ Malta, li qed isibuha diffiċli jitolbu l-għajnuna għal fost oħrajn l-ikel, l-għaliex iħossuhom umiljati l-għax qatt ma immaġinaw li ser jispiċċaw f’din id-diffikultà finanzjarja. Huwa sostna li din hija xi ħaġa gravi u li bħala nazzjon irridu niġġieldu din l-istigma.