Elia Borg Bonaci, id-dulċier maħbub minn kulħadd, ingħata l-aħħar tislima quddiem il-post fejn qatta’ l-parti l-kbira minn ħajtu – id-dolċerija fi Strada Rjali fil-Ħamrun fejn minn dejjem żamm ruħu qrib l-impjegati u l-klijenti, li tant kienu għal qalbu.
L-għada li tħabbret il-mewt tiegħu, fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-katavru ta’ Elia twaqqaf għal ftit ħin u ngħata t-tislima li tixraqlu, anke b’apprezzament għall-karattru simpatiku li kellu.
Quddiem il-ħanut immexxi mill-Familja Borg Bonaci, spikkat iċ-ċapċipa tal-impjegati. U minn fuq il-bankina, huma tefgħu wkoll fjuri fuq il-hearse, filwaqt li bejniethom irrakkontaw kemm il-Ħamrun tilfet bniedem meqjus ġentlom.
Elia – sinonimu ma’ min xi darba jew oħra mar jixtri minn din id-dolċerija li tinsab quddiem il-Knisja ddedikata lil San Gejtanu – miet kmieni l-Ħamis filgħodu.
Il-mewta tiegħu ħalliet lil ħafna maħsuda u mnikkta, b’mijiet ifakkruh fuq il-mezzi soċjali b’kummenti u tifkiriet ta’ dan ir-raġel meqjus minn ħafna bħala wieħed eżemplari u li ħalla legat kbir warajh.
//= $special ?>