Ekonomija Lokali

Ħafna fl-industrija tal-bini spiċċaw bla dħul – stħarriġ

Lesti jieħdu passi legali fil-konfront tal-klijenti

20% tal-persuni fl-industrija tal-Bini u l-Kostruzzjoni li huma membri mal- Malta Association of Credit Management saħqu li l-ammont ta’ dħul li kellhom tul dawn il-ġimgħat ta’ kriżi huwa 80% jew saħansitra 100% inqas mill-perjodu qabel ma’ tfaċċat il-pandemija.

Dan ħareġ minn stħarriġ mwettaq mill-MACM fejn ħareġ fid-deher li 45% tal-membri kkonfermaw li l-pagamenti tal-klijenti tagħhom qed jieħdu aktar fit-tul aktar minn normal kawża tal-kriżi pandemika li ninsabu fiha.

18% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ spjegaw li fi ħsiebhom jieħdu azzjoni legali fil-konfront tal-klijenti tagħhom ġaladarba jibqgħu ma jitħallsux.

Dan filwaqt li fi stħarriġ ieħor mwettaq mill-MACM din id-darba mal-membri tas-settur awtomobilistiku wera li aktar mminn 28% minnhom kellhom dħul bejn 40% u 60% inqas meta kkumparat mal-perjodu qabel il-kriżi tal-Covid-19.

Ġie spjegat li 80% mill-parteċipanti kkonfermaw li l-pagamenti tal-klijenti kienu qed jieħdu aktar fit-tul u għaldaqstant konsegwenza ta’ din il-kriżi kienu qed jirrapportaw impatt negattiv fuq il-cash flow tagħhom.

Għaldaqstant, 20% saħqu li mistennija jieħdu azzjoni legali fil-konfront ta’ dawk il-klijenti li għal xi raġuni jew oħra qed jirrifjutaw li jħallsu.

B’reazzjoni għal dawn iż-żewġ surveys, l-MACM ħeġġet lill-membri tagħha miż-żewġ industriji sabiex ikunu aktar flessibli u jżommu komunikazzjoni effettiva mal-klijenti tagħhom.

Huma saħqu wkoll li importanti li jżommu kemm jista’ jkun il-moral tal-impjegati tagħhom għoli u jżommu attenzjoni fuq il-cash flow.