Coronavirus Lokali

“Hawn familji li ilhom ma jieklu jumejn” – Anthony Gatt, CaritasMalta

“Minflok, iħallsu l-kera biex jispiċċawx bla saqaf fuq rashom”

“L-aktar ħaġa li tinkwetani hija ż-żieda fil-qgħad…li n-nies iżommu l-impjieg tagħhom huwa essenzjali”. Hekk sostna d-direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt waqt konferenza stampa virtwali fejn sostna li żieda fir-rata tal-qgħad f’pajjiżna, konsegwenza tal-kriżi pandemika li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħha,  jaf ikollu cascading affect.

Filwaqt li Gatt għaraf l-għajnuna tal-Gvern f’benefiċċji tal-qgħad, huwa saħaq li dawn in-nies m’huma ser ikunu qed jagħtu xejn lura lill-ekonomija u għaldaqstant hemm bżonn tinstab soluzzjoni sabiex il-pubbliku jżomm postu fid-dinja tax-xogħol.

Dan saħqu waqt preżentazzjoni ta’ inizzjattiva ta’ għajnuna Kaxxi ta’ Solidarjetà, f’għajnuna għall-familji fil-bżonn bl-għan aħħari jkun li dawn il-kaxxi jipprovdu pakkett ta’ oġġetti bażiċi għal dawk il-familji li kienu diġà qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultà finanzjarja qabel l-imxija ta’ Covid-19 jew saħansitra familji li f’daqqa waħda sabu ruħhom f’qagħda mwiegħra finanzjarja kawża ta’ din il-kriżi.

Mistoqsi minn NET NEWS, Anthony Gatt sostna li fl-aħħar ġimgħat kien hemm nies li talbu l-għajnuna għall-ewwel darba, b’numru ta’ familji li jkunu jgħixu ħajja relattivament normali iżda spiċċaw b’impatt drastiku fuq id-dħul finanzjarju tagħhom fosthom; madwar 100,000 ċittadin li ma bbenefikaw mill-ebda għajnuna finanzjarja mill-Gvern u pensjonanti li spiċċaw mingħajr xogħol wara li qabel kellhom joħorġu jaħdmu għax ma kienux ilaħqu mal-ħajja.

Dawn il-kaxxi ta’ għajnuna li huma mmirati li jservu għal 14-il jum, huma maqsuma f’erba kategoriji differenti u jipprovdu l-għajnuna bażika neċessarja kemm f’dak li għandu x’jaqsam ikel kif ukoll iġene, materjal edukattiv u maskra protettiva f’kull kaxxa li tista’ terġa’ tintuża.

Anthony Gatt spjega li f’dawn il-ġimgħat avviċinaw lil Caritas Malta familji li saħansitra stqarrew magħhom li kienu jumejn ma’ jieklu. Huwa saħaq li numru ta’ familji l-ftit dħul li għandhom jippreferu jallokawha għal kera ta’ darhom l-għaliex ma jridux jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.