Formula 1 Sport

L-organizzaturi ta’ Silverstone jilħqu ftehim biex jospitaw żewġ tlielaq tal-Formula 1

(Ritratt: EPA)

L-organizzaturi taċ-ċirkwit ta’ Silverstone laħqu ftehim mal-Formula 1 biex jorganizzaw żewġ tlielaq mingħajr spettaturi f’dan l-istaġun, dejjem wara li l-Gvern Ingliż japprova d-deċiżjoni. It-tellieqa fil-kalendarju oriġinali kienet skedata għad-19 ta’ Lulju iżda d-data tista’ tinbidel wara reviżjoni mit-tmexxija tal-Formula 1.

Sa issa ġew posposti tliet tlielaq, fosthom il-Grand Prix ta’ Monaco, filwaqt li seba’ tlielaq oħra ġew posposti. Uħud minnhom mhux mistennija jseħħu minħabba restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u miżuri li jikkombattu kontra l-imxija tal-coronavirus.

Intant, il-Grand Prix tal-Belġju li hi skedata lejn tmiem Awwissu, tista’ ssir mingħajr l-ispettaturi. L-istaġun tal-Formula 1 għadu jrid jibda, b’żewġ tlielaq fl-Awstrija mistennija jibdew fil-bidu ta’ Lulju.