Lokali

“Il-familji huma s-sisien ta’ soċjetà b’saħħitha” – David Agius

15 ta’ Mejju, il-Jum Internazzjonali tal-Familja

“Il-Familji huma s-sisien ta’ soċjetà b’saħħitha. Grazzi lilkom ilkoll. Kommessi li nsaħħuhom aktar”.

Hekk sostna David Agius, il- Vici Kap għall-Affarijiet tal-Parlament u Kelliem għall-Familja b’saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal fejn spjega li l-familji tagħna huma l-pern tal-politika tagħna, u huma s-sisien ta’ soċjetà b’saħħitha u li tirnexxi.

Huwa saħaq li tassew fundamentali li l-gvernijiet madwar id-dinja, u anki f’pajjiżna, jagħrfu jipproteġuhom, jindirizzaw bis-sħiħ il-ħtiġijiet tagħhom u jħaddnu politika li ma tħallix lill-familji jġarrbu l-faqar, l-esklużjoni, u l-illitteriżmu. “Li jwettqu politika li ma tippermettix diskriminazzjoni jew trattamenti differenti bejn il-familji”.

David Agius spjega li illum, il-15 ta’ Mejju, qed niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Familja biex infakkru l-importanza tal-familji ta’ kull tip fis-soċjetajiet dinjin, u nagħrfu r-rwol li jaqdu fit-trobbija tal-ulied mis-snin bikrija saż-żgħożija, fl-għaqda madwar id-dinja, u fit-tkattir tal-edukazzjoni u x-xogħol.

“Hu jum li matulu nfakkru u nħeġġu lill-mexxejja dinjin biex isawru u jsejsu l-politika tagħhom madwar il-familji, u jaraw li dawn igawdu bis-sħiħ u b’mod ugwali mir-riżorsi tal-pajjiż u mill-ġid li jikseb bir-riżultati ekonomiċi”.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-valur tal-familja. Nemmnu fil-ħidma tant prezzjuża u siekta tagħhom biex il-ġenerazzjonijiet ta’ għada jkunu aħjar minn tal-lum u biex il-pajjiż ikun kapaċi jegħleb l-isfidi futuri. Nemmnu fil-potenzjal tat-tfal u taż-żgħażagħ li bl-għajnuna u bl-edukazzjoni jistgħu jirnexxu u jkabbru l-familji tal-ġejjieni fis-sod.

Għaldaqstant, bħala l-Kelliemi tal-Oppożizzjoni għall-familji, bħala Partit Nazzjonalista wassal l-apprezzament għall-ħidma li ssir fil-familji b’tant għożża u dedikazzjoni. Inwegħedkom, li bil-politika tagħna, se nkomplu nħarsu u nsaħħu l-familji tagħna u nagħtuhom kull importanza li jistħoqqilhom.