Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern għadu bla pjan dwar SkolaSajf

Ritirata oħra mill-Gvern ta’ Robert Abela, fid-dawl tal-isfidi li qed iġib miegħu l-Coronavirus, din id-darba rigward SkolaSajf. Dan hekk kif il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici kellu jdawwar kliemu u issa qed jgħid li għadu għaddej l-ippjanar, minkejja li fadal biss sitt ġimgħat minn meta suppost għandhom jiftħu l-bibien għall-istudenti.

Mistoqsi minn NET News matul konferenza tal-aħbarijiet, hu qal li s’issa xejn għadu mhu deċiż.

Iżda l-pożizzjoni tal-Ministru tal-Edukazzjoni tistona mad-dikjarazzjoni li l-istess Ministru għamel anqas minn ġimgħatejn biss ilu. Fil-fatt, fil-5 ta’ Mejju, hu qal li l-Gvern kien qed jaħdem bil-pjan li SkolaSajf tiftaħ fl-1 ta’ Lulju basta l-poplu jobdi d-direttivi maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Sadanittant, mistoqsi wkoll dwar it-tħassib espress mill-MUT għall-mod li mexa bih il-Gvern biex waqqaf think tank, il-Ministru tal-Edukazzjoni injora għalkollox dan it-tħassib u qal li jinsab kuntent bil-feedback li qed jingħata.

Oriġinarjament, il-Gvern nieda t-think tank dwar l-Edukazzjoni mingħajr ma lanqas biss stieden lill-MUT. Kellha tkun reazzjoni min-naħa tal-Union li wasslet lill-Gvern biex jinkludiha. Madankollu, il-union appellat lill-Gvern biex jiffoka aktar fuq il-prijoritajiet l-aktar importanti u meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.