“Ma saret l-ebda tip ta’ konsultazzjoni mal-Korp”
“Hemm bżonn ta’ aktar dixxiplina u linji gwida fi ħdan il-Korp tal-Pulizija”.
Hekk sostniet fi stqarrija l-Malta Police Association b’reazzjoni għad-diskors li għamel il-Ministru Byron Camilleri fuq ix-Xandir Nazzjonali fejn stqarr li l-Extra Duty, tal-Pulizija, ser tkun qegħda tiġi ċ-ċentraliżżata fil-ġimgħat li ġejjin.
L-MPA sostniet li din id-deċiżjoni hi waħda mgħaġla u qed ssir biss għaliex hi l-iktar deċiżjoni faċli sabiex tiġi implimentata u mhux għaliex hi l-iktar effettiva.
L-Unjin saħqet li temmen ukoll li dan kollu qiegħed jsir sabiex ninsew jew noskuraw dawk kollha li dejjem ħadmu b’mod trasparenti u b’serjeta, bil-konsegwenza ovvja li ser tkun qiegħed toħloq skumdità fost mijiet ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li ser jiġu milquta b’mod dirett b’dan il-proċess b’mod speċjali r-ranks ta’ Kuntistabli, Surgenti u kif wkoll ir-rank ta’ Surġent Maġġur li b’dan il-pass l-Assoċċjazzjoni saħqet li ser jkun qiegħed jillimita ħafna iżjed il-ħidma tagħhom.

L-Unjin saħqet li filwaqt li hemm diversi proposti validi li jistgħu jsiru s’issa ma saret l-ebda tip ta’ konsultazzjoni ma uffiċjali għolja li jirrapreżentaw id-diversi sezzjonijiet fi ħdan il-Korp u kif wkoll saħansitra ankè bħala MPA sabet il-bibien magħluqa u minħabba f’hekk fl-ebda ħin ma ingħata ċ-ċans li jingħataw pariri f’dan ir-rigward.
Filwaqt li l-Unjin saħqet li temmen li m’għandu jkun hemm ebda lok ta diskriminazzjoni fi ħdan il-Korp, ġie spjegat li hemm dubji serji fuq il-validità tal-mod kif ser tkun qed tinħadem u kemm realment tista taħdem din l-idea; ankè minħabba l-fatt, kompliet l-MPA, li kull Għassa, Branka u ankè Uffiċju fi ħdan il-Korp għandom eżiġenzi differenti li jistgħu biss jiġu trattati bl-aħjar mod. Dan ma jsirx “minn uffiċċju kilometri l-bogħod, għalhekk nemmnu anzi li din is-sistema ser tkun qegħda tgħati riżultati opposti ta’ dawk mixtieqa”.

L-MPA spjegat ukoll li sal-bidu tas-sena d-dieħla hemm madwar 500 Pulizija li jistgħu jitterminaw s-servizz tagħhom, numru li jista jwassal għal-problemi kbar sabiex il-Korp jkun jista jopera sew. L-MPA hija tal-opinjoni li dan il-proċess qiegħed iżjed jbiegħed lil-dawn l-individwi milli jipprova jagħmel ħiltu sabiex jżommom fi ħdanu.
Tul l-intervista li kellu l-Ministru Camilleri ssema wkoll l-Part Time li l-Pulizija ġew permessi li jaħdmu fil-ħin liberu tagħhom, dwar dan l-MPA sostniet li l-fatt li kkompara l-għażla l’ intalab jagħmel bejn Ministru u Avukat huwa wieħed inġust.

L-MPA fakkritu li s-salarju ta’ Pulizija kkumparat ma dak ta’ Ministru, loġikament hu ferm differenti, meta tikkunsidra l-fatt li l-istess salarju bażiku ta’ Pulizija jibda bi ftit inqas min 1,000€ u ma jmurx oltre l-1,800€ u għalekk saħqu li ma’ jħossux li għandu qatt jkun hemm paragun.
Għaldaqstant, l-MPA talbet lill-Ministru sabiex jerġa jiġi kkunsidrat dan il-proċess u tingħata l-possiblita li Unjin li tirrapreżenta l-membri tagħha jkolla l-possibilità li tiddiskuti u tingħata widen fuq din il-kwistjoni tant sensittiva fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
