Il-Partit Nazzjonalista,permezz ta’ stqarrija, sejjaħ pubblikament lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex minnufih jippubblika l-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel din is-sejħa wara li fil-jiem li għaddew talba li saret minn The Shift News ġiet miċħuda mill-Uffiċċju tal-President. Ir-raġunijiet li ġew mogħtija juru biċ-ċar li huwa fl-interess pubbliku li din l-ittra tiġi ppubblikata u li dan l-interess pubbliku jiżboq kwalunkwe interess li għandu l-Prim Ministru Robert li jżomm din l-ittra bħala sigrieta.
Fl-istqarrija ffimata minn Karol Aquilina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Robert Abela kien diġà ġie mitlub ipoġġi kopja tal-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru fuq il-mejda tal-Kamra permezz ta’ mistoqsija parlamentari (numru 12568) li għaliha l-Prim Ministru wieġeb li din l-ittra ġiet ippreżentata lill-President ta’ Malta.
Bit-tweġiba tiegħu Robert Abela għażel li jaħrab minn mistoqsija parlamentari leġittima u pprova inġustament jżeffen fin-nofs lill-President ta’ Malta. Dan l-aġir tal-Prim Ministru Robert Abela m’huwiex aċċettabbli, qal il-Partit Nazzjonalista, u juri nuqqas ta’ rispett u kortesija li għandha dejjem tintwera lill-President ta’ Malta.
M’hemmx dubju li l-Prim Ministru Robert Abela għandu kopja tal-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru u jaf eżatt x’fiha. M’hemmx dubju wkoll li bħala l-konsulent legali tiegħu, Robert Abela jaf eżatt x’inhuma il-vera raġunijiet għar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru. Minkejja dan kollu Robert Abela qiegħed jagħżel li jibqa’ jgħatti u jiddefendi lil Joseph Muscat akkost ta’ kollox.
Il-Partit Nazzjonalista temm l-istqarrija billi tenna li jemmen bis-sħiħ li ittra ta’ riżenja ta’ Prim Ministru, Ministru u Segretarju Parlamentari għandhom dejjem jiġu ppubblikata fl-intier tagħhom u minnufih skont il-konswetudni Kostituzzjonali kif ukoll fl-ispirtu sħiħ tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. Għalhekk il-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt ikun jaf il-vera raġunijiet għar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru.
//= $special ?>