Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-Kunsilli Lokali, konxju mill-fatt li l-ħidma tagħhom tolqot lin-nies b’mod aktar mill-qrib. U ħolqa mill-aktar importanti fil-ħidma tal-Kunsilli hi dik tas-Segretarji Eżekuttivi, li huma l-mutur amministrattiv ta’ din il-ħidma kollha.
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali – laqgħa oħra minn sensiela li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista fuq pjattaformi online ma’ setturi differenti tas-soċjetà biex jifhem aktar l-isfidi ewlenin li qed iħabbtu wiċċhom magħhom kaġun tal-pandemija.
Adrian Delia kompla li b’dawn il-laqgħat, il-Partit Nazzjonalista jrid jara wkoll li jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għal meta tgħaddi l-pandemija, filwaqt li jtenni l-impenn tiegħu li l-kuntatt bil-pjattaformi virtwali jibqa’ attiv anke fil-futur.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assocjazzjoni Paul Gatt fakkar fl-impenn tas-Segretarji Eżekuttivi biex jaraw li jkun offrut l-aktar servizz professjonali possibbli. Hu tenna l-apprezzament tiegħu personali, u ta’ sħabu fl-Assoċjazzjoni, għall-appoġġ li qed jirċievu mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Min-naħa l-oħra, hu nnota kif bit-twaqqif tagħhom, il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien jagħti l-ispazju kollu lill-Kunsilli għax jemmen li dawn jafu eżatt il-bżonnijiet tal-lokalità. Iżda llum, is-Segretarji Eżekuttivi qed jirċievu emails direttament mingħand Ministri jew Uffiċjali f’Ministeri … ħafna drabi b’xewqa tal-Ministri stess.Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Karl Gouder u mill-Kordinatur tal-Partit għal-Kunsilli Lokali Charles Bonello.
//= $special ?>