Lokali Temp

Is-sħana ta’ dawn il-jiem mhuwiex fenomenu straordinarju

It-temperaturi żewġt iljieli ilu sparaw ‘il fuq b’mod li jidher li mhux tas-soltu. Filfatt matul il-lejl ta’ bejn nhar l-Erbgħa u l-Ħamis, f’temp ta’ 20 minuta, it-temperature telgħet minn 19.9 gradi celsius għal 26.4 gradi, jew aktar minn 6 gradi, f’temp rekord.

Madankollu Svetlana Caruana mill-Uffiċju Meterjloġiku f’Ħal Luqa spjegat lil Netnews.com.mt li dan il-fenomenu mhux xi ħaġa li seħħ għall-ewwel darba. Madankollu hi qaltilna li hu diffiċli li jkollok rekord tal-qabżiet fit-temperatura f’ħinijiet qosra, għaliex trid tkun qed timmonitorja t-temperatura minuta b’minuta.

Hi qaltilna li t-temperaturi għoljin li kelna fl-aħħar ġranet setgħu kienu għola li mhux għal fatturi li naqqsu l-effett tas-sħana, bħall-umdita, ir-riħ u anke t-trab fl-arja.

Fl-aħħar jiem kellna okkażjonijiet meta t-temperatura qabżet it-30 grad celsius. Dan meta l-medja għal dan ix-xahar hija ta’ 24.1 grad.

L-ogħla temperatura għal Mejju minn kemm ilhom jinżammu r-rekords ġiet irreġistrata fit-23 ta’ Mejju tal-2006. Dakinhar il-merkurju mmarka 35.3 gradi.

Intant, s’issa dan ix-xahar għadu ma taniex qatra waħda xita u z-0.2mm ta’ preċipitazzjoni li ġew irreġistrati kienu min-nida fl-arja. 

L-aktar xahar ta’ Mejju li fih ġiet irreġistrata xita kien dak tal 1976 meta niżlet total ta’ 49.1mm. Madankollu l-medja għal dan ix-xahar hi ta’ 4.5mm.

Fl-aħħar snin rajna tibdil fit-klima, mhux f’Malta biss, imma madwar id-dinja kollja. Tibdil li ħafna esperti jassoċċjawh mal-mod kif qed ngħixu u mat-tniġġiż, bl-aktar bidla evidenti tkun fit-temperaturi li bħala medja qegħdin jogħlew tista’ tgħid kullimkien fid-dinja. Xhieda ta’ dan il-blokok enormi ta’ silġ jew icebergs li qed jinħallu f’rata allarmanti.

Xjentisti qed jinsistu li l-użu ta’ fuels qed jissarraf fi gassijiet magħrufa bħala greenhouse gases li jinġemgħu fl-atmosfera b’riżultat li d-dinja qed tisħon.  U tibdil klimatiku li qabel kien jieħu mijiet ta’ snin, issa qed iseħħ fi ftit għexieren.

Riżultat ta’ dan kollu d-dinja qed tara żieda fil-frekwenza u s-severità ta’ uragani, nixfa, maltempati tas-silġ u heatwaves li mhux imdorrijin naraw.