Lokali Qorti

Missier u żewġ uliedu ma jinstabux ħatja mill-Appell ta’ attentat ta’ serqa minn banka tal-lottu

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera sabet li missier u żewġ uliedu minn Ħal Għaxaq mhumiex ħatja ta’ attentat ta’ serqa minn banka tal-lottu fil-Marsa.

Il-każ imur lura għal 25 ta’ Frar ta’ erba’ snin ilu fi Triq it-Tiġrija fil-ħin ta’ bejn it-3.00am u l-4.30am. L-akkużati kienu Keith Mallia ta’ 48 sena u t-tfal tiegħu Mario Mallia ta’ 22- sena u ieħor ta’ 20 sena li ismu ma jistax jixxandar peress li meta tressaq il-Qorti kienu għadu taħt l-età.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabithom ħatja, madankollu l-ħtija kienet revokata mill-Qorti tal-Appell bl-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia jiddefendu t-tliet irġiel sa mill-bidu tal-każ.

Din qalet li f’dan ir-rigward l-uniċi provi li hemm fil-konfront tagħhom huwa l-fatt huma nqabdu qrib il-post fejn seħħ it-tentattiv ta’ serq ftit tal-hin wara.

Mix-xiehda tal-membri tal-RIU, l-imputati kienu lkoll rekbin fil-vettura tal-għamla Kia Shuma, u ppruvaw jaħarbu milli jiġu nvestigati jew arrestati meta ġew interċettati mill-membri tal-RIU.

Meta rnexxielhom jitwaqqfu, u saret tfittxija fil-vettura li kellha l- pjanċi tagħha mgħottija, nstabu diversi għodda li jistgħu jintużaw għal ksur jew sgass fi proprjetà.

Minbarra dan instabu wkoll żewġ balaklavi u ngwanti fejn kienu bilqiegħda l-passiġġiera tal-vettura in kwistjoni. Apparti minn hekk mis-CCTV recording jirriżulta li kien hemm żewġ persuni mgħammda li aviċċinaw il-banka tal-lottu in kwistjoni u dawru l-cameras li kienu qiegħdin jippuntaw fuq il-bieb tal-banka fejn essenzjalment sehh l-isgass u t-tentattiv sabiex jidhlu fil-hanut in kwistjoni.

Mill-istess filmat jirriżulta illi dawn il-persuni kienu libsin ħwejjeġ simili li kellhom l-imputati Mario u Clyde Mallia meta ġew arrestati, tant li l-Uffiċjal Prosekutur kien ordna li jiġu fotografati.

Irriżulta wkoll mill-istess filmati illi kellhom imqass imdaqqas f’idejhom li kien jixbah dak li nstab fil-vettura meta ġew arrestati. Fil-fatt kienu użaw din l-ghodda sabiex ilaħħqu mal-kameras in kwistjoni u jdawwrahom il-fuq u l-bogħod mill-bieb tal-banka.

Finalment matul it- tfittxija instab ukoll radio li kien imqabbad mal-frekwenza tal-RIU. Madankollu, qalet il-Qorti, dawn il-fatti weħidhom bir-rispett kollu mhux biżżejjed biex iwassal għal konvinċiment morali u lil hinn minn kull dubju dettatt mir-raġuni illi l-akkużati kienu qegħdin fil-post lesti sabiex jisirqu.

Għalkemm allegatament il-ħwejjeġ kienu simili ma ġiex ippruvat li kienu l-istess ħwejjeġ u b’kull rispett il-ħwejjeġ milbusin minnhom ma kellhomx xi ħaġa partikolari illi twassal biex tgħid illi dak il-flokk jew qalziet kellu biss xi ħadd minnhom.

Il-Qorti qalet ukoll li jirrizulta wkoll li ma kien hemm l-ebda marki tas-swaba jew DNA u l-Prosekuzzjoni lanqas biss ġabet xi call profile biex turi illi huma kienu f’dak il-post fil-ħinijiet preċedenti.

Mix-xhieda kollha jirriżulta li l-Prosekuzzjoni kellha nuqqasijiet enormi fil-provi, liema nuqqasijiet għandhom jillimitaw favur l-akkuiżati. Il-Prosekuzzjoni naqset illi ġġb provi oħra fosthom xi elevar tal-fingerprints, xi nies oħra li forsi raw il-movimenti tal-allegati persuni illi kienu nvoluti fis-serqa u provi oħra.

Meta kienu tressqu l-Qorti, it-tfal kienu dehru lebsin il-ġlekkijiet tal-iskola bil-Prosekuzzjoni tgħid li kienu nqabdu fil-fatt mill-Pulizija jippruvaw jisirqu.

Allegatament, il-missier kien fil-karozza jistenna lit-tfal iwettqu s-serqa kwalifikata bi vjolenza b’valur ta’ aktar minn elfejn u tliet mitt ewro. Il-missier Keith Mallia waħdu kien ġie akkużat li kiser mill-inqas erba’ sentenzi tal-Qorti u li saq karozza b’liċenzja skaduta u mingħajr polza ta’ assikurazzjoni.

Iż-żewġt itfal ukoll ġew akkużati li kisru sentenzi tal-Qorti u kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Fl-ewwel Qorti l-missier kien ġie kundannat 30 xahar ħabs u dawn niżlu għal seba’ xhur fuq ksur ta’ sentenzi u li karozza li saq kienet b’liċenzja skaduta u mingħajr polza ta’ assikurazzjoni.

Hawn il-Qorti ordnat l-iskwalifika tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu għall-perjodu ta’ 12-il xahar. Fir-rigward taż-żagħżugħ li ismu mhux qed jixxandar, dan naqas li joqgħod għall-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti, u filwaqt li fl-ewwel Qorti huwa kien ikkunannat 13-il xahar ħabs, il-Qorti tal-Appell filwaqt li qieset l-età tennera tiegħu, kkundannatu erba’ xhur priġunerija effettivi li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li għamel taħt arrest preventiv .

Mill-kondotta tiegħu ħareġ li minkejja l-eta’ tenera tieghu huwa kien diġa xellef difrejh mal-ġustizzja diversi drabi, iżda mix-xhieda u rapporti tal-Uffiċjal tal-Probation huwa kellu tfulija diffiċli.

Fil-konfront ta’ Mario Mallia, li kien ikkundannat 20 xahar ħabs mill-Ewwel Qorti huwa ġie lliberat minn kull akkuża. u piena u għaldaqstant issa huwa bniedem liberu.