16 TA’ MEJJU 1999
F’karriera mimlija suċċessi, Michael Schumacher kiseb diversi rekords li uħud minnhom għadhom hemm sal-lum. Wieħed u għoxrin sena ilu, Schumacher sar l-aqwa sewwieq ta’ Ferrari ta’ kull żmien. Bir-rebħa li kiseb fil-Grand Prix ta’ Monaco, il-Ġermaniż kiser ir-rekord ta’ 15-il rebħa li kien kiseb Niki Lauda mat-tim Taljan.
Din ir-rebħa kienet is-16-il waħda ma’ Ferrari u l-35 rebħa fil-karriera. Ir-raba’ suċċess personali f’Monaco wasal ukoll b’ħin rekord taċ-ċirkwit ta’ sigħa 49 minuta u 31.812 sekonda. Hu kien segwit minn sieħbu Eddie Irvine u Mika Hakkinen fuq McLaren.
Schumacher dak iż-żmien fl-età ta’ 30 sena, wera l-klassi tiegħu hekk kif mar fuq quddiem mill-bidu u żamm postu fil-quċċata sat-tmiem, f’ċirkwit li mhux faċli biex sewwieq jaqbeż. Sa tmiem l-ewwel dawra, kellu diġà 1.3 sekonda vantaġġ fuq Hakkinen, bil-vantaġġ jikber għal 8.4 sekondi sal-15-il dawra. Il-vantaġġ kompla jikber aktar ma għadda l-ħin u spiċċa rebaħ b’distakk ta’ 30.4 sekonda fuq Irvine. Sa dak iż-żmien, Schumacher ma kienx għadu rebaħ kampjonat tad-dinja ma’ Ferrari.
//= $special ?>