Futbol Sport

44 SENA ILU: L-ewwel kampjonat tal-Granata minn wara l-era tal-Grande Torino

16 TA’ MEJJU 1976

Għal dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-klabb ta’ Torino, 44 sena ilu kienet ġurnata ta’ ferħ iżda wkoll ta’ emozzjoni għalihom. Dakinhar kisbu l-ewwel kampjonat, 27 sena wara l-aħħar kampjonat mirbuħ fl-era tal-Grande Torino, it-tim li ddomina s-snin 40 iżda sfaxxa wara l-inċident ta’ Superga li seħħ fl-4 ta’ Mejju tal-1949. Għalihom kien biżżejjed biex jiksbu draw f’darhom kontra Cesena wara li Juventus kienu megħluba f’Perugia. Minkejja l-kuntentizza tad-draw, Torino tilfu r-rekord ta’ 15-il rebħa konsekuttiva f’darhom.

Quddiem madwar 75,000 spettatur, Torino fetħu l-iskor wara kwarta meta Paolo Pulici għeleb lil Boranga b’daqqa ta’ ras. Torino bdew jissieltu biex jiskorjaw it-tieni gowl iżda minflok sofrew id-draw. Kien Mozzini li għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess wara li l-ballun ħabat ma’ rasu. Fil-klassifika finali, Torino spiċċaw b’45 punt, tnejn aktar minn Juventus, fi żmien meta għal kull rebħa kienu jingħataw żewġ punti.