Coronavirus Lokali

AĠĠORNATA: Ikomplu jiżdiedu l-każi l-ġodda ta’ Covid-19; il-każi attivi jiżdiedu għal 90

Fuq Facebook, il-Gvern ħabbar li żdiedu b’14 il-każi ta’ Coronavirus f’pajjiżna. Din hija l-ewwel darba li ċ-ċifri uffiċjali ħarġu b’dan il-mod.

Jibqa’ baxx ħafna l-ammont ta’ dawk li fiequ, tnejn, filwaqt li l-każi attivi issa telgħu għal 90. Fl-aħħar 24 siegħa saru b’kollox 1,727 test.

Fl-aħħar tliet ijiem, instabu total ta’ 38 każ pożittiv tal-coronavirus. Ħafna minnhom kienu każijiet fil-komunità li ma kellhomx kuntatt ma’ każijiet oħra pożittivi li nstabu qabel.

Dwar il-każi pożittivi, Prof. Gauci qalet li kien hemm disa’ li ma kellhomx sintomi u ħamsa bis-sintomi.

Il-każijiet huma dawn, fosthom kien hemm 5 każijiet li huma ħaddiema tas-saħħa;

Malti li jaħdem f’ħanut tal-imnut. Qalet li minħabba li kienu qed jintlibsu l-maskli, dawk li ġew f’kuntatt miegħu ma kinux f’periklu.

Malti ta’ 28 sena li fit-13 ta’ Mejju kellu deni, griżmejh juġugħ, u uġigħ fil-muskoli. Jaħdem f’kumpanija privata u qed isir contact tracing.

Anzjan ta’ 62 sena li kellu sintomi. Hu jaħdem f’kumpanija u qed isir contact tracing fuq il-post tax-xogħol.

Anzjan ta’ 60 sena li wkoll kellu sintomi. Hu jaħdem f’kumpanija privata.

Żagħżugħa Maltija ta’ 23 sena. Hi taħdem f’ħanut tat-take away. Qalet li l-kuntatt f’take away huwa minimu ħafna u b’hekk tnaqqas ir-riskju.

Għawdxi ta’ 40 sena li ma kellu l-ebda sintomi. Hu xtaq jagħmel it-test u ħareġ li huwa pożittiv. Hu jaħdem fis-settur pubbliku u qed isir contact tracing.

Malti ta’ 38 sena li jaħdem fis-settur pubbliku. Qed isir contact tracing.

Malti ta’ 46 sena. Jaħdem ma’ kumpanija privata.

Malti ta’ 54 sena mingħajr sintomi. Jaħdem bħala healthcare worker fl-Isptar Mater Dei. Qed isir assessment dwar ma’ min seta’ kellu kuntatt.

Anzjana ta’ 61 sena. Hi kellha bżonn tmur l-Isptar Mater Dei għal raġunijiet oħrajn. Hi nstabet pożittiva f’test ta’ rutina.

Mara Maltija li taħdem carer f’waħda mill-wards fl-Isptar Mater Dei. Hi kellha kuntatt ma’ każ ieħor li kien pożittiv.

Healthcare worker ieħor li ħareġ pożittiv u kien jaħdem fl-istess ward fl-Isptar Mater Dei.

Healthcare worker oħra li kellha kuntatt ma’ pazjent pożittiv. Hi kienet diġà fi kwarantina.

Healthcare worker ta’ 22 sena li ma kellha l-ebda sintomi.