Atletika Sport

Andy Grech jinħatar President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Atletika

Andy Grech hu l-President il-ġdid tal-Malta Amateur Athletic Association wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret il-Ġimgħa. Grech ħa post Edwin Attard li għażel li ma jikkontestax wara snin fl-assoċjazzjoni. Id-data oriġinali tal-Laqgħa Ġenerali Annwali kienet fil-21 ta’ Marzu iżda ġiet posposta minħabba l-Covid-19, bil-laqgħa ssir b’mod virtwali.

Grech li għandu 29 sena, kien atleta elite fejn kienu jieħu sehem fil-kompetizzjonijiet sprint kif ukoll dawk tal-qbiż fosthom il-Long Jump, it-Triple Jump u l-Pole Vault. Din se tkun l-ewwel esperjenza għalih fil-Kumitat tal-MAAA, b’Grech se jkollu l-mira li jtejjeb l-assoċjazzjoni biex l-atleti jiksbu riżultati pożittivi u jirbħu l-midalji, kif għamel hu fil-karriera tiegħu.

L-Assoċjazzjoni tal-Atletika għandha wkoll Segretarju Ġenerali ġdid. Raymond Anthony Scicluna nħatar fil-kariga flok Roman Schwaiger li okkupa l-kariga għal dawn l-aħħar ħames snin. Scicluna serva fil-kumitat tal-MAAA għal dawn l-aħħar erba’ snin. Għal din il-Laqgħa Ġenerali Annwali kien hemm mistiedna żewġ delegati għal kull klabb affiljat għal total ta’ 16-il delegat. Kienu biss sitta l-klabbs li kellhom id-dritt tal-vot u vvutaw għal tliet emendi ġodda li daħlu fl-istatut tal-assoċjazzjoni.

Ray Scicluna

Andy Grech kien nominat minn Pembroke Athleta u sekondat minn Athletix filwaqt li Scicluna ġie nominat Savio Athletics u sekondat minn La Salle. Tony Chircop li fil-passat kien President tal-assoċjazzjoni, reġa’ ġie kkonfermat bħala Teżorier. Waqt il-LĠA, inħatru wkoll sitt membri li tlieta minnhom huma ġodda. Dawn huma Claudette Caruana (Rush Athletic), Duncan Abdilla (La Salle) u Dr. Natalino Caruana De Brincat (Evolve). Huma jingħaqdu ma’ Alan Zammit u Anthony Fava (Pembroke Athleta) u Antonella Chouhal (Rush Athletic) li ilhom jokkupaw il-kariga għal diversi snin.

F’kitba fuq facebook, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar feraħ u awgura lil Andy Grech għal ħatra tiegħu fit-tmun tal-assoċjazzjoni Maltija tal-atletika.

Tags