Coronavirus Lokali

“Il-pass li jmiss mhux mit-Tnejn li ġej” – Chris Fearne

Fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla mistennija jitħabbru aktar deċiżjonijiet ta’ rilass tal-miżuri li kienu daħlu fis-seħħ fil-ġimgħat li għaddew kawża tal-Coronavirus, għalkemm jidher li din l-azzjoni mhux se tkun effettiva mit-Tnejn li ġej.

Waqt intervista fuq l-istazzjon 103, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne indika li t-Tnejn li ġej se jitħabbar biss il-pjan. Hu kien mistoqsi dwar il-ftuħ ta’ ċerti ħwienet u ristoranti, wara dikjarazzjonijiet varji minn membri tal-Kabinett u anke fid-dawl ta’ mistoqsijiet mill-pubbliku rigward x’inhu l-pass li jmiss.

F’intervista li saret minn Fr Joe Borg, Fearne għall-ewwel la kkonferma u lanqas ċaħad jekk ir-rilass tal-miżuri hux se jidħol fis-seħħ mit-Tnejn li ġej. Iżda mbagħad iċċara li l-pjan li jmiss se jitħabbar skont iċ-ċifri tal-każi li jkunu qed jirriżultaw.

Għal aktar minn darba, il-Ministru tas-Saħħa qal li dan hu żmien diffiċli għalih, filwaqt illi insista li mhux ikun eskluż li l-miżuri jkollhom jerġgħu jiħraxu.

Mistoqsi dwar il-possibbiltà li jsiru l-funerali fil-knejjes, Fearne ġġustifika d-deċiżjoni li l-funerali jibqgħu ma jsirux billi qal li kull deċiżjoni għandha l-impatt u l-prezz tagħha. Il-Ministru tas-Saħħa qal ukoll li issa hemm ġirja kontra l-ħin biex jinstab vaċċin.

Matul l-intervista kienu trattati temi oħrajn, fosthom il-kuntratt ma’ Steward Healthcare, bil-Ministru tas-Saħħa jtenni li Steward hi organizzazzjoni serja u li tagħti servizz tajjeb ħafna. Dan minkejja li qed ikomplu l-pressjoni pubblika biex il-Gvern jirtira mill-kuntratt ħalli t-tliet Sptarijiet jerġgħu jsiru tan-nies.

U dwar l-immigrazzjoni, id-Deputat Prim Ministru qal li ma jħossx li għandna nħallu lin-nies jegħrqu f’nofs ta’ baħar.