Coronavirus Lokali

Il-pulizija jagħlqu bar li sabuh “miftuħ u bin-nies”

Aggrediti membri tal-Korp tal-Pulizija

Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija kellha tintervjeni sabiex tagħlaq bar li kien miftuħ fix-Xatt ta’ Spinola, f’San Ġiljan.

Fil-mument li waslu l-pulizija, għall-ħabta tal-għaxra ta’ bil-lejl, f’dan il-bar allegatament kien hemm madwar 30 persuna preżenti. Dan bi ksur ċar tad-direttivi imposti mis-Suppretendent tas-Saħħa Pubblika b’rabta mal-Covid-19.

Jidher illi kif il-pulizija daħlu sabiex javżaw lil sid il-bar li dan għandu jagħlaq, qam argument …u f’dan il-mument kienu aggrediti membri tal-korp tal-Pulizija. Il-Pulizija arrestaw sitt persuni ta’ nazzjonalita Spanjola, fosthom tlett nisa.

Il-persuni kollha arrestati ttieħdu l-Għassa ta’ San Ġiljan…u aktar tard fid-Depot, fejn uħud minnhom komplew ikunu agressivi fil-konfront tal-Pulizija.

Il-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin, filwaqt li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

Il-Pulziija ħarġet ukoll taħrika kontra sid l-istabbiliment wara li nqabad jikser l-Avviż Legali mahrug mill-istess Supretendent.

Intant, Net News waslulu ukoll diversi rapporti oħra ta’ ġemgħat ta’ nies f’postijiet pubbliċi, fosthom gruppi ta’ żgħażagħ li lbieraħ bil-lejl inġabru f’diversi zoni ta’ Tas-Sliema.