Coronavirus Lokali

Il-Pulizija tieħu passi wara informazzjoni dwar miġemgħa fl-Exiles

Il-Korp tal-Pulizija jirreferi għall-artikli li dehru aktar kmieni llum fil-mezzi tax-xandir online, akkumpanjati b’ritratti, ta’ grupp kbir ta’ żgħażagħ li dehru fuq il-blat fiż-żona magħrufa bħala l-Exiles, f’Tas-Sliema, il-bieraħ filgħaxija. F’dawn l-artikli kien allegat illi minkejja li saru żewġ telefonati lill-Pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema sabiex jmorru fuq ilpost, il-Pulizija baqgħu qatt ma tfaċċaw.

Il-Korp tal-Pulizija jiċħad dawn l-allegazzjonijiet hekk kif il-Pulizija marru fuq il-post darbtejn, meta saru t-telefonati fl-Għassa.

Il-Korp jispjega li għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ bil-lejl, il-Pulizija tad-Distrett irċevew telefonata, li hemm grupp ta’ persuni li nġabru fl-Exiles jorganiżżaw party. Fuq ilpost marru l-Pulizija, iżda malli l-persuni li kienu fuq il-blat indunaw bihom, dawn ħarbu minn fuq il-post, f’direzzjonijiet differenti.

Madwar siegħa wara, għall-ħabta tal-ħdax, il-Pulizija rċeviet rapport ta’ miġemgħa oħra ta’ persuni li reġgħu marru fil-post sabiex ikomplu bil-party. Din id-darba fuq il-post marru il-Pulizija tad-Distrett, flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), iżda l-persuni mill-ġdid ħarbu meta raw il-Pulizija.

Il-Pulizija baqgħu fuq il-post għal ħin twil, iżda ħadd ma rritorna.