Lokali

It-Tnejn il-PN se jippubblika l-proposti tiegħu dwar l-emendi Kostituzzjonali

“Nhar it-Tnejn l-Oppożizzjoni se tkun qed tippubblika l-proposti tagħha għar-riforma Kostituzzjonali wara li l-Gvern qabeż lil kulħadd u bl-attitudni ħażina mhux jibgħat is-sinjal it-tajjeb lill-istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej li qed josservawna li l-affarijiet qed isiru b’mod differenti minn qabel.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalista ta’ The Malta Independent Rebekah Cilia.

Adrian Delia qal l-Oppożizzjoni se tkun qed tippubblika l-proposti tagħha, issa li dawn il-proposti m’humiex iktar marbutin fil-kenn tar-riforma Kostituzzjonali, u wara li l-Gvern qabad u minn rajh, mingħajr lanqas bissa avża lill-President, bagħat il-proposti tiegħu dwar ir-riforma Kostituzzjonali lill-Kummissjoni Venezja. Huwa qal li jekk il-Kummissjoni Venezja qalet li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jkollu l-poteri kollha hu, din l-attitudni tal-Gvern hija waħda arroganti meta stajna nressqu ‘l quddiem proposti maqbula bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u nuru li min qed josservana li magħqudin. Huwa stieden lill-Gvern sabiex jieħu pass lura u verament jisma’ lil kulħadd u liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Adrian Delia qal li l-Gvern qed idawwar il-verità u jgħid li l-Oppożizzjoni ma kinitx ippreparata meta l-prosposti tal-Oppożizzjoni huma serji, robusti u li verament jagħmlu d-differenza biex nuru li rridu nibdew it-triq it-tajba li nerġgħu nsaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan meta ninsabu fir-riskju li pajjiżna jiġi blacklisted wara li l-Gvern Laburista kissrilna r-reputazzjoni b’theddida għal eluf ta’ impjiegi.

Dwar is-sitwazzjoni tal-imxija tal-COVID-19, Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni dejjem ħadet il-pożizzjoni li l-ewwel tara x’qegħda tgħid is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci, għaliex huwa inutli li titkellem fuq is-surplus jekk ma jkollniex il-popolazzjoni b’saħħitha. Huwa qal li issa li qed jidher li n-numru qegħdin jerġgħu jiżdiedu, l-Gvern qed jaħseb li jerġa’ jnaqqas il-miżuri li ttieħdu. Huwa qal li għalhekk talab li jerġa’ jiltaqa’ mas-Supretendent tas-Saħħa, u jekk Charmaine Gauci tagħti l-komfort allura d-deċiżjonijiet finanzjarji u ekonomiċi jistgħu jittieħdu fis-serħan tal-moħħ tal-informazzjoni medika. Adrian Delia qal li filwaqt li Charmaine Gauci Chris Fearne jaqblu, l-Prim Ministru Robert Abela jgħid bil-kontra tagħhom biex jaljena lill-poplu, meta s-saħħa tan-nies mhix kwistjoni ta’ politika partiġġjana.

Il-Kap tal-PN qal li l-proposti ekonomiċi tal-Gvern huma mingħajr viżjoni, mingħajr pjan għall-post COVID-19. Huwa staqsa x’inhuma l-inċentivi ta’ investiment għal wara l-pandemija u għajnuna lill min iħaddem biex iżomm lill-ħaddiema tiegħu biex ma jkunx hawn sensji. Adrian Delia spjega li l-perspettiva tal-Oppożizzjoni mhix waħda reattiva imma li tanticipa u tevolvi u titrasforma l-business u l-għodod li nużaw u ninvestu fi pjattaformi digitali qabel ma jkun tard wisq u naraw li qeghdin f dinja ġdida, u nispiccaw nitilfu l-competitive edge tagħna.

Mistoqsi dwar l-immigrazzjoni irregolari, Adrian Delia qal li din mhix kwistjoni tal-lum u se tibqa’ tikber minħabba l-ġlied u t-tibdil fil-klima. Huwa qal li rridu nkunu ġusti ma’ dawk li jitolbu l-protezzjoni, sodi ma’ dawk li mhux eleġibbli għall-ażil u ħorox mat-traffikanti kollha li jridu jirkbu fuq it-tbatijiet ta’ persuni vulnerabbli. Iżda din hija kwistjoni oħra fejn Robert Abela qed jużaha għal skopijiet partiġġjani u jifred lill-poplu. Dan meta r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tant iddeterjorat li Robert Abela mhux f’pożizzjoni li jiddjaloga mal-pajjiżi l-oħrajn u jinnegozja.

Adrian Delia qal li bħala partit irridu nirrikonoxxu fejn inqassna u nneħħu l-arroganza tal-passat għax l-ebda partit m’għandu dritt li jkun fil-Gvern imma rridu nirbħu r-rispett tal-poplu u nuru li verament aħna gvern alternattiv, bl-istess attitudni can do li kellna fiż-żmien meta l-Partit Nazzjonalista biddel il-wiċċ ta’ pajjiżna. Meta l-partit fil-Gvern qed jimxi fid-direzzjoni fejn Robert Abela jġib lura lil Joseph Muscat f’patt tax-xitan bi ħsara kbira għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, l-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat li jibqa’ jaħdem ħafna iktar u nagħtu l-opportunità lin-nies li jkollhom għażla ċara ta’ gvern alternattiv.