Lokali Saħħa

Irridu niżguraw l-ogħla servizzi fl-oqsma soċjali

Dawk id-drittijiet u dmirijiet li qabel kienu jaqgħu taħt il-qafas regolatorju tas-saħħa, issa mxew taħt l-Awtorità ta’ Standards tal-Ħarsien Soċjali. Bħala Oppożizzjoni  sa mill-bidunett ħdimna mal-Gvern għat-twaqqif tagħha, konxji miż-żieda sostanzjali f’numru ta’ servizzi speċifiċi għall-ħarsien soċjali f’pajjiżna.

Fi stqarrija maħruġa minn David Agius, Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal, minn Ivan Bartolo, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Glieda kontra l-Faqar ta’ Kull Tip, Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali u minn Maria Deguara, Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u Inklussiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti, il-Partit Nazzjonalista jlqa’ b’sodisfazzjon l-Att li jipprovdi regolamenti lis-servizzi ta’ ħarsien soċjali kollha, flimkien mat-tfassil tad-drittijiet u tad-dmirijiet ta’ min jipprovdi s-servizzi u fl-istess ħin jiżgura li kulħadd isegwi l-istess kejl. Issa jinħtieġ li nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li diġà hemm billi nsaħħu r-rutina ta’ spezzjonijiet bil-għan li niżguraw li jitwasslu l-ogħla servizzi fil-qasam soċjali sew meta dawn jingħataw mill-Gvern kif ukoll mill-privat.

Bħala Oppożizjoni insostnu li l-istandards li l-Awtorità qablet dwarhom għandhom jiġu implimentati tajjeb u mill-aktar fis ħalli fejn hemm persuni vulnerabli nvoluti bħal anzjani u persuni b’abbilitajiet differenti ma jbatux bla bżonn. L-Oppożizzjoni tisħaq li kull min jaħdem ma’ dawn il-persuni għandu jkun kapaċi jikkomunika magħhom bil-lingwa li jitkellmu. Għandu jitwaqqaf tim ta’ persuni li xogħolhom ikun biss biex jgħinu l-anzjani u persuni b’abbilitajiet differenti jitgħallmu jużaw l-informatika bħala mezz ta’ komunikazjoni. Dan għaliex nemmnu li hu l-aħjar mod ta’ komunikazzjoni fil-preżent u fil-futur. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tifraħ lill-Kap Eżekuttiv Matthew Vella u l-ħaddiema kollha li jaqgħu taħt din l-Awtorità, tawgurawlhom il-ħidma t-tajba b’impenn akbar b’riżq il-Maltin u l-Għawdxin kollha.