Coronavirus Lokali

L-MUMN ma taqbilx mal-ftuħ tal-ajruport għalissa

Għall-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, mhix deċiżjoni għaqlija li għalissa jerġa’ jinfetaħ l-Ajruport u allura li nibdew nilqgħu turisti minn barra minn xtutna.

Hekk iddikjara Paul Pace, il-President tal-MUMN, f’kumment lil NET News dwar il-possibbiltà li l-Gvern jirrilassa wkoll il-miżuri tas-safar.

Hu qal li din hi għażla li lanqas biss għandna nikkunsidrawha għax m’għandniex nieħdu forgranted il-kunċett li ma tantx kellna vittmi.

Min-naħa l-oħra, hemm min għadu qed jagħmel sagrifiċċji personali kbar, bħall-anzjani u dawk l-aktar vulnerabbli, li ma jistgħux jiltaqgħu ma’ dawk qrib tagħhom.

Paul Pace kompla li filwaqt li għadna fil-periklu li l-pandemija terġa’ tfaqqa’, jemmen li t-turisti li se jkunu qed jiġru – fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi li qed jaħkmu lid-dinja – mhux se jagħmlu differenza kbira fl-ekonomija.

Fuq kollox, jispjega li din għandha tkun l-aħħar restrizzjoni possibbli li għandha tiġi rilassata għax fil-qasam tad-divertiment, mhux faċli tinżamm id-distanza soċjali jew ikunu segwi l-miżuri l-oħra.

Paul Pace qal li, bħala union li tirrappreżenta persuni li jaħdmu direttament mal-marid, l-MUMN temmen li din mhix deċiżjoni għaqlija lanqas għall-ekonomija.