Coronavirus Edukazzjoni Lokali

“Nevolvu s-settur edukattiv f’pajjiżna biex nindirizzaw l-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni”

Għandna l-obbligu li niġu flimkien madwar il-mejda biex niddeterminaw il-futur tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna

“L-opportunità li twieldet b’dan iż-żmien tal-kriżi bil-pandemija tal-COVID-19 taf tkun il-katalista li tbiddel b’mod totali l-mod kif inħarsu lejn l-edukazzjoni. Irridu nevolvu s-settur edukattiv ta’ pajjiżna sabiex nindirizzaw b’mod propożittiv l-isidi li għandna quddiemna llum u tal-ġejjieni u għalhekk għandna l-obbligu li niġu flimkien madwar il-mejda biex niddeterminaw il-futur tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. ”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza l-Konferenza Nazzjonali tal-PN dwar l-edukazzjoni wara l-pandemija tal-COVID-19.

Adrian Delia qal li l-Gvern mhux ippreparat biex jindirizza l-isfidi fl-edukazzjon u ħoloq think tank bla struttura u bla ħsieb. Dan fi żmien meta s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna jeħtieġ li tevolvi u tħares ‘il quddiem meta hawn l-inċertezza fis-settur li nħolqot bil-pandemija li biddlet il-mod kif inwasslu t-tagħlim. Huwa qal li rridu nindirizzaw minnufih dawn id-diffikultajiet tal-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri u nipprovdu l-għodod neċessarji sabiex l-edukazzjoni tevolvi fir-realtajiet tal-lum. Dan billi nieħdu l-opportunità li naraw u nirrevedu jekk għandniex nibdlu l-metodi tat-tagħlim fuq qafas tal-ħiliet u naddattaw għall-futur, fejn naraw li t-tagħlim li qed jingaħata llum ikun dak li l-uliedna jeħtieġu meta imbagħad jidħlu fid-dinja moderna tax-xogħol.


Adrian Delia qal li l-għalliema urew li kapaċi jaddattaw u jantiċipaw biex jibqgħu jwasslu it-tagħlim. Iżda dan iż-żmien ġab miegħu wkoll sfidi fil-formazzjoni soċjali tal-istudenti meta fil-preżent mhux qegħdin imorru fiżikament fl-iskola fejn jitgħallmu esperjenzi ma’ sħabhom fil-formazzjoni tal-personalità tagħhom. Huwa qal li bir-realtajiet tal-lum, l-istudenti qegħdin jitgħallmu f’ambjenti virtwali u dan jista’ jkun li jsir ir-realtà tal-futur tagħna. Adrian Delia qal li fid-dawl ta’ dan l-evolviment fiż-żmien tal-pandemija rridu naħtfu l-okkażjoni biex insaħħu u nkabbru l-edukazzjoni f’pajjiżna. L-Oppożizzjoni mhux biss se tisma’ u tirreaġixxi iżda se tkun qed tipparteċipa sabiex naraw li uliedna jkunu verament parteċipi f’dan il-futur ambizzjuż.


Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli qal li f’dan iż-żmien tal-pandemija hemm ħafna mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġbu malajr fosthom x’ħareġ pożittiv, x’kienu n-nuqqasijiet strateġiċi u l-konsegwenzi ta’ dawn in-nuqqasijiet u xi preparamenti meħtieġ li jsiru sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija fuq l-edukazzjoni, dan għaliex m’hemmx ħin x’jintilef meta tibda sena skolastika oħra f’Settembru li ġej. Clyde Puli spjega li madwar xahrejn ilu ngħalqu l-iskejjel minħabba l-imxija tal-virus, miżura li kienet neċessarja minħabba l-implikazzjonijiet fuq is-saħħa ta’ uliedna, li ngħaqdu ma’ miljuni ta’ studenti oħrajn madwar id-dinja li kellhom jibqgħu d-dar u dan bi sfidi kbar fuq il-ġenituri tagħhom ukoll. Huwa sellem u faħħar lill-għalliema kollha, għax qamu għall-okkażjoni u sabu l-għodod kif se jagħtu l-aqwa edukazzjoni possibbli lil uliedna f’dan iż-żmien.


Clyde Puli qal li kellmuh ammont kbir ta’ ġenituri li qassmu miegħu l-esperjenzi ta’ uliedhom li sabu quddiemhom ukoll diffikultajiet u ansjetà li jeħtieġu risposta, b’element ta’ impatt b’nuqqas ta’ investiment finanzjarju u kulturali. Huwa qal li f’pajjiżna hawn realtajiet ta’ persuni li f’dan iż-żmien qegħdin ibatu minħabba li mhux ippreparati u m’għandhomx il-kundizzjonijiet u t-tagħmir meħtieġ biex ikunu jistgħu jieħu l-aħjar edukazzjoni mill-online learning u dan kixef ukoll id-digital divide li hawn, li rridu negħlbu sabiex kulħadd ikun jista’ jiggwadanja mill-edukazzjoni li tingħata. Huwa qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tikkontribwixxi f’diskussjoni nazzjonali f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna u tifforma l-politika tal-ġejjieni mir-riċerka, l-istudju, l-ħsibijiet u l-esperjenza tal-akkademiċi, l-għalliema u l-ġenituri.


Il-Konferenza Nazzjonali kienet indirizzata wkoll mill-Prof. Sandro Caruana lettur u eks Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, Fr Charles Mallia Direttur tal-iskejjel tal-Knisja fi ħdan is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, Sue Midolo President tal-Independent Schools Association u Kap ta’ skola, Dr Kenneth Vella Kap ta’ skola u awtur ta’ diversi artikli dwar l-edukazzjoni, Dr Glorianne Borg Axisa lettur fil-Junior College fi ħdan l-Università ta’ Malta u membru fundatrici tal-MAPSS, Marco Bonnici President tal-Malta Union of Teachers (MUT) u għalliem u l-Prof. Carmel Borg lettur u eks Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta. Fost it-temi diskussi kien hemm il-ħtieġa ta’ pjan fit-tul mal-istakeholders kollha, inkluż l-għalliema u l-ġenituri li ġew esklużi mit-think tank li twaqqaf, kif it-tagħlim virtwali huwa pass importanti, iżda xejn ma jegħleb lill-klassi u l-istatistika li turi li ntilef żmien ta’ tagħlim għall-istudenti.


Preżenti għal din il-Konferenza Nazzjonali flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-PN u Kelliem għall-Familja David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Robert Cutajar, Martin Musumeci mill-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) u l-kandidat Justin Schembri.