Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Spanja se testendi l-istat ta’ emeġenza sal-24 ta’ Ġunju

(Ritratt: The Olive Press.com)
"M'għandux ikun hemm battibekki dwar il-prijoritajiet tal-pajjiż"

Fi stqarrija ċara li saret is-Sibt mill-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez insista li l-pajjiż għandu jestendi b’xahar l-istat ta’ emeġenza minħabba l-Coronavirus.

Il-pjan ta’ Sanchez se jkun qed imur quddiem il-Parlament, u mistenni jiġi approvat bla problemi.

Spanja trid it-turiżmu. Imma t-turisti jridu sigurtà, u garanziji għas-saħħa. Għalhekk, l-ewwel irridu negħlbu l-emerġenza medika biex niftħu t-turiżmu.

L-istat ta’ emeġenza attwali jintemm fl-24 ta’ Mejju. Dan ifisser li jekk issir estensjoni b’xahar, l-emerġenza tibqa’ sejra sal-24 ta’ Ġunju…bil-pajjiż jitlef l-ewwel ftit ġimgħat tas-Sajf.

Iżda dwar dan, il-Prim Ministru Sanchez ma qgħadx idur mal-lewża: “Il-pajjiż irid it-turiżmu, imma min jiġi Spanja jrid sigurtà. L-ewwel irridu negħlbu l-emerġenza medika biex niftħu t-turiżmu”, stqarr Pedro Sanchez.

Waqt l-indirizz lin-nazzjon, il-Prim Ministru qal li l-għaqda biss tista’ ssalva l-ħajjiet tan-nies u anke x-xogħol fil-pajjiż. “L-affarijiet iridu jsiru pass pass. U m’għandu jkun hemm qatt diżgwid bejn il-prijoritajiet ekonomiċi u dawk ta’ saħħa”.