Futbol Sport

Tasal il-ġurnata mistennija għad-dilettanti tal-futbol … illum jirritorna l-Bundesliga

(Ritratt: EPA)

Illum hi ġurnata importanti għad-dilettanti tal-futbol internazzjonali hekk kif se jirritorna wieħed mill-aqwa kampjonati fl-Ewropa. Il-Bundesliga ilu wieqaf mit-8 ta’ Marzu li għadda minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Għal din ir-raġuni, ħafna se jkunu d-dilettanti, li se jsegwu l-kampjonat Ġermaniż bejn illum u t-Tnejn.

Minn dawn il-jiem, it-timijiet se jkunu jistgħu jagħmlu massimu ta’ ħames sostituzzjonijiet wara li ftit jiem ilu ġiet approvata emenda fir-regola mill-IFAB. Iċ-champions tal-aħħar seba’ staġuni Bayern Munich jinsabu b’erba’ punti vantaġġ fuq Dortmund. Aktar minn hekk, id-distakk bejn il-leaders u Bayer Leverkusen, li jinsabu fil-ħames post, hu biss ta’ tmien punti meta għad fadal disa’ logħbiet għat-tmiem.

L-aktar konfront mistenni hu dak bejn Borussia Dortmund u Schalke. Normalment fis-Signal Iduna Park ikun hemm madwar 80,000 partitarju ta’ Dortmund, iżda l-importanti għalihom hu li jiksbu t-tliet punti fit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat. L-attenzjoni se tkun fuq l-attakkant Norveġiż Erling Haaland li minn kemm ilu li ngħaqad magħhom f’Jannar li għadda, spikka mhux ftit bil-gowls tiegħu. Flimkien maż-żagħżugħ Ingliż Jadon Sancho li qed ikollu staġun tajjeb, jiffurmaw waħda mill-aqwa koppji ta’ attakk fil-kampjonat.

Huma se jkollhom lill-captain Marco Reus nieqes filwaqt li f’nofs il-grawnd, il-kowċ Lucien Favre se jkollu jgħaddi mingħajr Axel Witsel u Emre Can li t-tnejn weġġgħu kemm ilhom li rritornaw għat-taħriġ. Schalke jafu sew li r-Revierderby għandu r-regoli tiegħu u mhux neċessarjament jirbaħ l-aqwa tim. It-tim ta’ David Wagner ilu ma jirbaħ minn meta għeleb lil Borussia Mönchengladbach 2-0 fis-17 ta’ Jannar. Id-difensuri ċentrali Benjamin Stambouli u Salif Sane reġgħu bdew jitħarrġu iżda mhux mistennija li jibdew.

It-taqtigħa għal min se jispiċċa l-aqwa skorer terġa’ tkompli wkoll. Bħalissa l-attakkant ta’ Bayern Munich Robert Lewandowski jinsab fil-quċċata b’25 gowl segwit minn Timo Werner ta’ Leipzig li sab ix-xibka 21 darba f’dan il-kampjonat.

Bundesliga

Illum: Augsburg v Wolfsburg 3.30pm, Borussia Dortmund v Schalke 3.30pm, Fortuna Düsseldorf v Paderborn 3.30pm, Hoffenheim v Hertha Berlin 3.30pm, Leipzig v Freiburg 3.30pm, Eintracht Frankfurt v Borussia Mönchengladbach 6.40pm, Għada: Cologne v Mainz 3.30pm, Union Berlin v Bayern Munich 6.00pm, It-Tnejn: Werder Bremen v Bayer Leverkusen 8.30pm