Futbol Sport

Tispikka r-rebħa kbira ta’ Borussia Dortmund fir-ritorn tal-Bundesliga

(Ritratt: EPA)

Borussia Dortmund poġġew il-pressjoni fuq Bayern Munich meta fis-Signal Iduna Park ġabu fix-xejn lil Schalke b’rebħa ta’ 4-0. Prestazzjoni pożittiva għat-tim ta’ Lucien Favre li dawwar tajjeb il-ballun u kien perikoluż f’diversi okkażjonijiet.

L-iskor infetaħ fid-29 minuta bi kross mil-lemin ta’ Thorgan Hazard isib lil ERLING HAALAND li mill-ewwel kompla l-ballun għal ġewwa. RAPHAEL GUERREIRO irdoppja qabel il-mistrieħ b’xutt djagonali fil-baxx. Dortmund għalqu l-logħba fit-48 minuta b’kontrattakk li minnu THORGAN HAZARD għeleb lil Markus Schubert. RAPHAEL GUERREIRO ssiġilla r-rebħa fit-63 minuta li skorja b’xutt sabiħ wara li ħabbat il-ballun ma’ Haaland.

Borussia Mönchengladbach telgħu fit-tielet post b’rebħa ta’ 3-1 kontra Eintracht Frankfurt. L-iskor infetaħ wara biss 37 sekonda b’xutt fil-baxx ta’ ALASSANE PLEA, b’MARCUS THURAM jirdoppja fis-seba’ minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin. RAMY BENSEBAINI skorja t-tielet gowl fit-73 minuta minn penalty, b’ANDRÈ SILVA jnaqqas id-distakk fil-81 minuta.

Leipzig tilfu żewġ punti importanti fit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat meta kienu miżmuma minn Freiburg fi draw ta’ 1-1. Kienu Freiburg li fetħu l-iskor fl-34 minuta permezz ta’ MANUEL GULDE li skorja wara li l-ballun ħabat ma’ saqajh minn korner. YUSSUF POULSEN ġab id-draw fis-77 minuta b’daqqa ta’ ras.

Wolfsburg kisbu rebħa drammatika barra minn darhom ta’ 2-1 kontra Augsburg. RENATO STEFFEN fetaħ l-iskor fit-43 minuta b’daqqa ta’ ras preċiża, sakemm TIM JEDVAJ ġab id-draw fl-54 minuta b’daqqa ta’ ras ukoll. Il-gowl tar-rebħa għal Wolfsburg wasal fil-91 minuta b’gowl ta’ DANIEL GINCZEK.

Hertha Berlin komplew jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni b’rebħa ta’ 3-0 barra minn darhom kontra Hoffenheim. L-iskor infetaħ fit-58 minuta b’awto-gowl ta’ Kevin Akpoguma, b’VEDAD IBISEVIC jirdoppja żewġ minuti wara b’daqqa ta’ ras mill-viċin. MATHEUS CUNHA ssiġilla r-rebħa fl-74 minuta b’azzjoni personali.

Bundesliga

Illum: Augsburg v Wolfsburg 1-2, Borussia Dortmund v Schalke 4-0, Fortuna Düsseldorf v Paderborn 0-0, Hoffenheim v Hertha Berlin 0-3, Leipzig v Freiburg 1-1, Eintracht Frankfurt v Borussia Mönchengladbach 1-3, Għada: Cologne v Mainz 3.30pm, Union Berlin v Bayern Munich 6.00pm, It-Tnejn: Werder Bremen v Bayer Leverkusen 8.30pm