Coronavirus Futbol Sport

Tittieħed id-deċiżjoni li l-kampjonat f’Ċipru mhux se jkompli

L-Assoċjazzjoni Ċiprijotta ħadet id-deċiżjoni li tissospendi l-logħbiet li kien fadal mill-kampjonat tal-ogħla diviżjoni. Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li kienu l-maġġoranza assoluta tal-membri li vvutaw biex l-istaġun ma jkomplix.

Din l-aħbar waslet ġurnata wara li t-tmexxija tas-CFA ltaqgħet mal-President Nicos Anastasiades biex jiddiskutu l-possibbiltà li l-istaġun ikompli. Stqarrija tal-Assoċjazzjoni qalet li t-tim mediku tal-Gvern kien qed jopponi li jaċċetta l-protokoll mediku tagħhom.

Il-format tal-kampjonat hu li wara żewġ rawnds, l-ewwel sitt timijiet jinqasmu għalihom, bis-sitt timijiet l-oħra jissieltu għal kontra r-relegazzjoni. Iż-żewġ gruppi jilagħbu żewġ rawnds oħra għal total ta’ 32 logħba. Fil-klassifika preżenti, wara 23 logħba, Omonia Nicosia u Anorthosis kienu fil-quċċata b’46 punt u APOEL Nicosia fit-tielet post b’40 punt.

L-Assoċjazzjoni ddikjarat li mhux se jkun hemm rebbieħ tal-kampjonat u lanqas relegazzjoni. Fl-istaġun li ġej b’eċċezzjoni, l-Ewwel Diviżjoni se tinkludi 14-il tim u mhux 12-il tim hekk kif l-ewwel żewġ timijiet mit-Tieni Diviżjoni ġew promossi skont il-klassifika attwali.

Il-klassifika preżenti tal-Ewwel Diviżjoni ddeċidiet it-timijiet li se jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Omonia Nicosia se jikkompetu fil-UEFA Champions League filwaqt li Anorthosis, APOEL Nicosia u Apollon Limassol se jilagħbu fil-UEFA Europa League.