Coronavirus Ekonomija Lokali

Vienna timplimenta l-istess proposta li propona l-PN lill-Gvern xahar ilu

Is-Sindku tal-Belt Awstrijaka Vjenna ħabbar inizjattiva li se tiswa €40 miljun sabiex permezz tagħha jqassam vouchers li jkunu jistgħu jintużaw f’kafeteriji u ristoranti; vouchers ta’ €50, simili għal dak li kien propona f’pajjiżna l-PN ftit tal-ġimgħat ilu.

Is-sit awtorevoli Bloomberg qed jirrapporta li l-vouchers se jkunu qed jitqassmu bil-posta f’dawn il-jiem.

F’nofs April, il-gvern Malti kien ġie mħeġġeġ mill-PN biex joħroġ €50 vouchers għal dawk kollha li għandhom aktar minn 16-il sena ħalli jkun hemm inċentiv imorru fil-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti, ladarba dawn jitħallew jerġgħu jiftħu.

Il-proposta, li saret mill-Partit Nazzjonalista xahar ilu u preżentata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Herman Schiavone, hi stmata li tiswa €17-il miljun. Il-Gvern, madankollu, jkun f’pożizzjoni li jirkupra €3 miljun mill-VAT. Meta preżenta l-proposta tiegħu, il-PN kien qal illi l-vouchers ikunu validi għal xahar.

Il-PN spjega li l-industrija tal-catering kienet fost is-setturi l-aktar milquta mill-Coronavirus, u allura hemm bżonn li l-Gvern ikun innovattiv fil-mod kif jgħin lil dawn in-negozji.

Sal-lum, mhux talli ma ntqal xejn dwar dawn il-vouchers, talli l-Gvern uża l-media tiegħu biex jirredikola l-proposta tal-PN; proposta li issa qed titwettaq minn bliet oħra Ewropej.