Lokali

Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara inċident bir-rota

Żagħżugħ ta’ 19-il sena, residenti ż-Żebbuġ Għawdex jinsab fil-periklu tal-mewt, wara lbieraħ li kellu inċident bir-rota għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija fi Triq il-Qbajjar.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li ż-żagħżugħ għal xi raġuni, tilef il-kontroll tar-rota li kien qiegħed isuq bil-konsegwenza li kellu impatt ma’ ħajt.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet liż-żagħżugħ lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex jirċievi l-kura meħtieġa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.