17 TA’ MEJJU 2006
Żewġ gowls fi spazju ta’ ftit minuti kienu biżżejjed biex Barcelona saru Champions tal-Ewropa għat-tieni darba fl-istorja tagħhom. Fil-finali milgħuba fi Stade de France, huma għelbu lil Arsenal 2-1 biex kisbu l-ewwel suċċess fil-kompetizzjoni wara 14-il sena. Għal Arsenal din kienet l-ewwel finali tagħhom f’kompetizzjoni Ewropea.
Il-logħba kellha żvolta wara 18-il minuta hekk kif il-gowlkiper ta’ Arsenal Jens Lehmann tkeċċa mir-referee Terje Hauge wara li waqqa’ lil Samuel Eto’o eżatt barra l-kaxxa. Id-deċiżjoni kienet ftit mgħaġġla hekk kif il-ballun spiċċa għand Ludovic Giuly li skorja iżda r-referee żamm mad-deċiżjoni oriġinali. Lehmann sar l-ewwel plejer li qatt tkeċċa waqt finali ta’ din il-kompetizzjoni.
Minkejja li b’inferjorità numerika, Arsenal marru fil-vantaġġ fis-37 minuta bi free-kick ta’ Thierry Henry isib lid-difensur Sol Campbell li b’daqqa ta’ ras sabiħa għeleb lil Victor Valdes. Fit-tieni taqsima, Arsenal fallew xi okkażjonijiet minn Ljunberg u Henry u pattew qares. Barcelona ġabu d-draw fis-76 minuta. Samuel Eto’o rċieva mingħand Henrik Larsson u b’xutt fuq l-ewwel lasta għeleb lis-sostitut Manuel Almunia.
Il-gowl tar-rebħa wasal erba’ minuti wara, b’Larson din id-darba jservi lil Juliano Belletti li għeleb lil Almunia b’xutt minn angolu ftit ristrett u rebbaħ it-trofew lit-tim ta’ Franck Rijkaard. Wara l-logħba, il-President tal-UEFA ta’ dak iż-żmien Lennart Johansson ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Barcelona Carles Puyol.
//= $special ?>