Futbol Sport

33 SENA ILU: It-tielet FA Trophy għal Ħamrun Spartans

(Ritratt: In-Nazzjon Tagħna)

17 TA’ MEJJU 1987

Ħamrun Spartans kisbu t-tieni doppjetta fl-istorja tagħhom meta fil-finali tal-FA Trophy għelbu lil Sliema Wanderers 2-1. Din kienet l-ewwel darba li dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Il-finali tal-FA Trophy kienet ikkontrollata minn Charles Scerri għat-tielet sena konsekuttiva.

Ħamrun marru fil-vantaġġ wara 17-il minuta meta f’azzjoni mibdija minn Alex Azzopardi u Michael Degiorgio fuq ix-xellug, il-ballun spiċċa għand LEO REFALO li b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Alan Zammit. L-Ispartans irduppjaw fil-51 minuta bi kross ta’ Degiorgio jkun imblukkat parzjalment u l-ballun spiċċa għand JOE ZARB li b’xutt bix-xellug skorja gowl sabiħ. Sliema daħlu fil-logħba 11-il minuta b’MARTIN GREGORY jirnexxilu jegħleb lil Ian Leigh b’xutt sabiħ fil-baxx.

L-isforzi ta’ Sliema setgħu kienu aħjar dakinhar, b’Ħamrun ikkontrollaw tajjeb biex it-tisfira finali fissret li Ħamrun għamlu doppjetta u mingħajr ma sofrew telfa fl-istaġun. Minħabba li kienu nqalgħu xi inċidenti fis-sajf ta’ qabel, ittieħdet id-deċiżjoni li l-preżentazzjoni ma ssirx fl-Istadium Nazzjonali. Il-preżentazzjoni saret waqt il-briju fil-Ħamrun, bil-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien George Abela jippreżenta t-trofew lill-captain George Xuereb.