Lokali

71% jistennew aktar għajnuna finanzjarja mill-Gvern – stħarriġ

“Ninsabu f’xifer katastrofi” – sidien tan-negozji

Stħarriġ li sar mill-gazzetta The Sunday Times of Malta juri li 71% qed jistennew aktar għajnuna finanzjarja mill-Gvern …ħalli verament ikun hem sostenn ghall-ekonomija u x-xoghol.

Minn dan l-istħrarriġ ħareġ fid-deher li 28% tal-ħaddiema fis-settur privat jinsabu ferm inkwetati li jistgħu jitilfu xogħolhom kawża tal-effetti li qed tħalli fuq l-ekonomija din il-pandemija.

64% saħqu li lesti jaċċettaw tnaqqis fil-paga tagħhom ….basta ma jitilfux xogħolhom. Dan filwaqt li 21% tal-parteċipanti sostnew li fl-aħħar xahar id-dħul tagħhom naqas drastikament meta ċ-ċifri ġew ikkumparati mal-perjodu ta’ qabel il-Covid-19.

Minn mindu fetħu ċertu ħwienet meqjusa mhux essenzjali, 21% saħqu li lesti jmorru biss xahrejn oħra biex jagħmlu xirja f’dawn il-ħwienet.

47% tal-parteċipanti għamluha ċara li jridu jistennew sakemm ma joħroġ vaċċin qabel ma jerġgħu jsiefru …filwaqt li 25% spjegaw li lesti jistennew sal-2021 qabel ma jagħmlu investiment fi djarhom bħal per eżempju jbiddlu l-kamra tal-banju.

Sadanittant, 64 sid ta’ negozju żgħir li flimkien jammontaw għal 130 ħanut bagħtu ittra lill-Prim Ministru Robert Abela li fiha appellawlu għal pjan konkret …u għajnuna …qabel ikun tard wisq.

Fi kliemhom, din l-għajnuna hemm bżonnha qabel ma jibdew jaffaċċjaw “riżultati katastrofiċi” u jkollhom jagħlqu u jkeċċu lil kulħadd. Huma jisperaw li l-karba tagħhom tasal għand il-Gvern … qabel ma jkun tard wisq.