Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 7 każi ġodda; 4 persuni jfiqu

Seba’ huma l-każi ġodda ta’ COVID-19 f’pajjiżna biex b’hekk it-total ta’ każi f’Malta u Għawdex tela’ għal 553. Dawn il-każi ħarġu minn 1,429 test li saru fl-aħħar 24 siegħa.

Fost dawn hemm żewġ persuni li jaħdmu fi ħwienet li fetħu meta tħabbar l-aħħar rilass ta’ miżuri.

Waqt il-bulettin mediku ndirizzat mill-Professur Charmaine Gauci, Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, tħabbar li erba’ persuni fiequ biex it-total issa jimmarka 454.

B’hekk il-każi attivi f’Malta u Għawdex huma 93… minnhom erba’ jinsabu rikoverati fl-Isptar Boffa, 6 fl-Isptar St. Thomas, tlieta fl-Isptar Karin Grech u persuna fl-Isptar Mater Dei.

Waqt li kienet qed twieġeb xi mistoqsijiet, Profs Gauci stqarret li kulħadd għandu jsegwi l-miżuri li tpoġġew mill-awtoritajiet tas-saħħa għaliex min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa xejn ma inbidel u l-appelli tas-Suprintendent tas-Saħħa baqgħu l-istess.