Coronavirus Lokali

Fost dawk li ma rċevewx għajnuna mill-Gvern f’Għawdex hemm numru ta’ operaturi turistici – PN

“Dawk l-operaturi li baqgħu b’idejhom vojta għandhom dritt ikunu jafu x’qed iżomm lura lill-Gvern milli jgħinhom”

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq juri solidarjetà sħiħa ma’ dawk l-ħafna operaturi Għawdxin fil-qasam tat-turiżmu li għadhom ma rċevewx l-għajnuna fi flus (wage supplement payment) imwegħda mill-Gvern Laburista, biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ dħul ikkawżat mill-imxija tal-Corona Virus. Dan il-fatt ħareġ mir-riżultati ta’ stħarriġ tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu. Skond dawn ir-riżultati, 35% ta’ dawk li rrispondew l-istħarriġ, ma rċevewx l-għajnuna tal-Gvern.

Fi stqarrija ffirmata mid-Deputati Nazzjonalisti Chris Said, Kevin Cutajar u Frederick Azzopardi, huma saħqu li dawk l-operaturi li baqgħu b’idejhom vojta għandhom dritt ikunu jafu x’qed iżomm lura lill-Gvern milli jqassmilhom l-għajnuna li għaliha huma intitolati. Fuq kollox, għandhom dritt ikunu jafu meta se jirċievu din l-għajnuna. Bħall-operaturi fit-turiżmu, l-Partit Nazzjonalista hu infurmat li hemm ukoll operaturi Għawdxin f’oqsma oħra li għad qed jistennew l-għajnuna tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jsostni li l-Gvern Laburista hu fid-dmir jara li l-għajnuna fi flus għandha minnufih titqassam lil min jistħoqqlu, biex s-settur tat-turiżmu u setturi oħra f’Għawdex u partikolarment dawk il-71% li rrispondew għall-istħarriġ msemmi u li jinsabu magħluqin għan-negozju, jieħdu ftit tan-nifs u jkomplu mixjin sakemm l-imxija tal-Corona Virus ittaffi u l-kummerċ u d-dħul tagħhom jerġgħu jibdew jirpiljaw.