Sport

Gianni Petrucci u Alex Zanardi fis-27 programm Sport Extra

Illum fil-4.50pm fuq Net Television jixxandar is-27 programm mis-sensiela Sport Extra. Fl-ewwel parti tal-programm l-enfażi hi dwar il-basketball wara li l-Malta Basketball Association nediet proġett b’rabta ma’ taħriġ ta’ kowċis lokali b’kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Taljana tal-Basketball.

Charles Camenzuli kien intervista b’mod esklussiv lill-President tal-Federazzjoni Taljana tal-Basketball Gianni Petrucci, persuna li għal bosta snin kien President tal-Kumitat Olimpiku Taljan kif ukoll tal-Federazzjoni tal-Futbol b’rabta wkoll mal-klabb ta’ AS Roma.

Fil-programm jixxandru wkoll intervisti b’rabta mal-istess proġett, ma’ wieħed mill-aqwa kowċis fl-Italja Andrea Capobianco, li hu wkoll il-kowċ tal-Italja ta’ taħt id-19-il sena u dak tat-3×3. Intervistat ukoll il-President tal-MBA Paul Sultana.

Fit-tieni parti tal-programm, intervista esklussiva ma’ wieħed mill-aqwa personalitajiet fid-dinja tal-isport. L-eks sewwieq tal-Formula 1 u llum rebbieħ ta’ erba’ midalji Olimpiċi fil-Paralimpjadi f’Londra 2012 u f’Rio 2016, Alex Zanardi.

Il-muntaġġ tas-servizzi fil-programm sar minn Samira Cachia Spiteri filwaqt li l-filmati ttieħdu minn Michael Farrugia u Bernie Dimech.