Il-Gozo Channel qed tiffaċċja diffikultajiet finanzjarji kbar u sorsi infurmati qalu lil il-mument li kemm-il darba s-sitwazzjoni ma tkunx indirizzata b’mod immedjata, allura l-kumpanija tista’ tfalli bil-konsegwenzi kollha li tali qagħda ġġib magħha.
Jirriżulta li l-kumpanija għandha pendenti ħlasijiet ta’ eluf ta’ eluf ta’ ewro għal servizzi ta’ tiswijiet lill-vapuri tagħha kif ukoll għandha pendenti ħlasijiet ta’ eluf ta’ ewro għal servizzi ta’ fuel.
Il-kirja tar-raba’ vapur – l-MV Nikolaos – b’madwar €10,000 kuljum eskluż l-ispejjeż tal-fuel, kompla poġġa lill-kumpanija f’sitwazzjoni finanzjarja delikata.
Għal xi raġuni sal-lum il-Gvern dejjem ħeba l-qagħda vera li tinsab fiha l-Gozo Channel, anki jekk fil-Parlament kemm-il darba tqajjem is-suġġett u kien hemm deputati li, fost l-oħrajn, talbu rendikont ta’ kemm qed jiswa lill-kumpanija l-vapur taħt bandiera Griega.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju hemm inċertezzi fost il-ħaddiema tal-Gozo Channel li ħadd ma jiddiskuti magħhom il-qagħda li tinsab fiha l-kumpanija. Ħaddiema tal-Gozo Channel kuntattjati minn il-mument qalulna li huma konxji tas-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li għaddejja minnhom il-kumpanija – aktar u aktar wara li żviluppat il-kriżi COVID-19 – iżda lilhom ħadd ma laqqagħhom u kellimhom biex tahom stampa tax-xenarju li fih qed taħdem il-Gozo Channel.
Il-ħaddiema li tkellmu ma’ il-mument qalu li huma jisimgħu spiss li l-kumpanija għandha djun dwar tiswijiet tal-vapuri tagħha u jisimgħu wkoll li l-kumpanija għandha tagħti għexieren ta’ eluf ta’ ewro dwar xiri ta’ fuel.
Il-ħaddiema qalu wkoll li fl-aħħar ġimgħat ix-xogħol għall-Gozo Channel naqas drastikament tant li r-raba’ vapur intbagħat lura u l-iskeda li qed taħdem biha bħalissa hi waħda ridotta ħafna. “Bħal dan iż-żmien tas-sena normalment ma konniex inlaħħqu mal-volum tax-xogħol u ma konniex nieqfu… din is-sena tħarbatna u allura d-dħul tal-kumpanija naqas ħafna.”
Qalulna wkoll li bħalissa s-servizz tal-Gozo Channel qed jingħata permezz ta’ żewġ vapuri biss li qed ilaħħqu tajjeb u dan juri kemm-il volum ta’ xogħol naqas b’mod drastiku.
L-istess Joe Cordina, iċ-Chairman tal-Gozo Channel, jammetti li l-kumpanija kellha telf kbir fid-dħul tagħha u għalhekk għandu jkun hemm l-għajnuna diretta tal-Gvern biex il-kumpanija tkun tista’ tibqa’ tiffunzjona.
F’April li għadda biss id-domanda naqset bi 80% u l-kumpanija kellha telf ta’ iktar minn €1 miljun. Il-pandemija COVID-19 kompliet tgħarraq il-qagħda finanzjarja tal-Gozo Channel.
Dwar dan kollu il-mument ħadet il-kummenti ta’ Chris Said, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, li ħeġġeġ lill-Gvern biex jgħin direttament lill-kumpanija ħalli din ma tfallix, partikularment bħalissa quddiem l-isfida COVID-19.
Hu fisser li l-Gvern ikun qiegħed jiżbalja jekk jixxaħħaħ mal-Gozo Channel li għalkemm għandha monopolju fis-servizz, iżda fil-verità għandha kompetizzjoni ħarxa.
Chris Said qal li l-Gvern għandu jwaqqaf struttura li jkollha l-iskop preċiż li jgħin lill-ekonomija ta’ Għawdex terġa’ tirkupra hekk kif tgħaddi l-pandemija COVID 19.
//= $special ?>