Il-Kunsillieri Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali tal-Gzira Jeremy Cardona, Jessica Borg, Shaun Farrugia u Hugh Caruana jikkundannaw bla riserva dak li qed jiġri bħalissa fil-Gzira fejn qed tittella ammont kbir ta ħama minn mina fl-għelieqi qrib żona residenzjali.
Dan ix-xogħol li qed isir minn Awtorità tal-Gvern Ċentrali, beda propju nhar is-Sibt li għadda mingħajr ebda avviż u dan kollu ħareg fil-pubbliku meta numru ta residenti avviċċinaw lill-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-lokal.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti qalu li huma ġabu dan l-ilment għall-attenzjoni tal-Awtoritajiet b’mod immedjat iżda jidher li s’issa mhux talli ma sar xejn, talli kompliet tittella’ iktar ħama li qed tħalli riħa xejn pjaċevoli li jidher li r-residenti ser ikollhom jgħixu biha għal numru ta granet.
Din mhix l-ewwel darba li sar dan ix-xogħol iżda fil-passat, din il-ħama kienet tittella’ ftit ftit u tittieħed mill-ewwel għar-rimi. Jidher li l-Gvern, minn wara dahar kulħadd biddel din il-prassi u injora kompletament lill-Gżirjani li jgħixu f’dik iż-żona.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti jenfasizzaw li dan mhux l-ewwel każ fejn il-Gvern Laburista qed jitratta b’mod ħazin lir-residenti tal-Gzira u jappellaw sabiex dan l-atteġġjament jieqaf immedjatament.
Huma assiguraw lir-residenti li ser ikomplu jaħdmu għall-ġid tar-residenti Gzirjani kollha u se jkomplu jgħamlu pressjoni fuq il-Gvern u fuq il-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista sabiex ir-residenti tal-Gzira jiġu rrispettati b’dinjita u kif xieraq.
//= $special ?>