Coronavirus Lokali

“Il-Gvern m’għandux bir bla qiegħ” – Robert Abela

Il-Prim Ministru jgħid li “l-mewġ fil-baħar qiegħed”

Il-Gvern m’għandux mnejn jibqa’ jgħin finanzjarjament lill-familji Għawdxin u Maltin. Waqt intervista fuq il-midja Laburista, minkejja l-appelli ta’ diversi Aġenziji, ħaddiema, negozji u familji jitkarrbu għall-għajnuna tal-Gvern l-għaliex jinsabu fix-xifer ta’ katastrofi, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern m’għandux bir bla qiegħ.

B’risposta għall-analiżi tal-espert tal-istatistika Vincent Marmara fuq il-ġurnal The Malta Independent, li ż-żieda fl-aħħar jiem tal-każijiet pożittivi taf tindika li pajjiżna hemm possibilità li dieħel fit-tieni mewġa, Robert Abela sostna li l-mewġ qiegħed fil-baħar u kompla b’diskors imqanqal dwar il-kriżi tal-Covid-19 li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħha. Huwa saħaq li ma rridux inbeżżgħu lin-nies mill-babaw u ħeġġeġ lill-pubbliku biex imorru l-baħar.

Il-Ġimgħa jiftħu r-ristoranti – botta u risposta bejn Robert Abela u Chris Fearne

Robert Abela saħaq li ma jħossux li għandu jikkastiga lin-nies billi jħallihom ġewwa u spjega li dan huwa żmien sabiħ li għandna ngawduh flimkien. Dan filwaqt li ammetta li n-numri juru proprju li fl-aħħar tlett ijiem kellna żieda fin-numri ta’ każi pożittivi, każi li fi kliemu stess kienu diġà qiegħdin fil-komunità iżda ma kienux qed jinqabdu minħabba li kienu qed isiru inqas testijiet mill-aħħar jiem.

Fid-dawl ta’ dan kollu, dalgħodu l-Prim Ministru uża l-media laburista biex iħabbar li mill-ġimgħa d-dieħla se jiftaħ aktar stabbilimenti fosthom il-hairdressers u r-ristoranti li dawn tal-aħħar qal li ser jiftaħhom il-Ġimgħa b’numru ta’ restrizzjonijiet fosthom imwejjed fuq il-bankina.  Abela ħeġġeġ lin-nies biex joħorġu jixtru minkejja li l-Awtoritajiet tas-Saħħa għadhom qed jappellaw sabiex il-pubbliku ma joħroġx minn daru għalxejn.

Il-Pre-Fabricated Hospital issa m’għandhomx bżonnu

Robert Abela refa’ botta u risposta ghad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wara li dan tal-aħħar f’intervista ma’ Newsbook qal li l-ekonomija tista’ tiftaħ naqra fis-Sajf u terġa’ tagħlaq ġaladarba jerġa’ jfeġġ il-mard respiratorju fix-xhur bejn Settembru u Jannar – iżda Abela għandu fehema kompletament opposta.

Hu habbar li l-proġett tal-Isptar Pre-Fabricated issa twaqaf ħesrem; proġett li lura f’Marzu kien deskritt mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi bħala skandlu Laburista ieħor.