Coronavirus Futbol Sport

“Il-kompetizzjonijiet Ewropej se jintemmu sa Awwissu” – Aleksander Ceferin

(Ritratt: EPA)

Il-UEFA qed tippjana li ttemm il-kompetizzjonijiet Ewropej ta’ dan l-istaġun sal-aħħar ta’ Awwissu. Dan qalu l-President tal-UEFA, Aleksander Ceferin waqt intervistà mal-midja internazzjonali fejn kompla li d-deċiżjoni finali għad trid tittieħed mill-kumitat eżekuttiv tal-UEFA li għad ukoll trid tiddentikfika d-dati.

Ceferin żied jgħid li l-maġġoranza tal-kampjonati madwar l-Ewropa se jitkomplew u hekk ukoll se jiġri mill-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League. Il-President tal-UEFA, wissa wkoll li dawk il-kampjonati li ma jiġux fi tmiemhom se jkollhom xorta waħda jilagħbu logħbiet ta’ kwalifikazzjoni jew inkella jirriskjaw li ma jipparteċipawx fil-kompetizzjonijiet Ewropej is-sena d-dieħla.

Dwar id-deċiżjoni li fi Franza l-kampjonat ma jitkompliex, Ceferin qal li PSG u Lyon iridu jaraw kif se jorganizzaw biex jilagħbu l-logħbiet mir-rawnd tal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League. Il-maġġoranza tal-kampjonati madwar l-Ewropa ilhom weqfin minn Marzu minn meta bdiet tinfirex il-pandemija tal-coronavirus madwar l-Ewropa.