Internazzjonali

“Il-pandemija għadha ma spiċċatx” – WHO

“Dan huwa żmien ta’ preparazzjoni u mhux ta’ ċelebrazzjoni”

Waqt li numru kbir ta’ pajjiżi madwar l-Ewropa, inkluż Malta, qed jirrilassaw numru ta’ miżuri d-Direttur tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Hans Kluge sostna li hemm bżonn jinżamm il-kontroll fuq is-sitwazzjoni, inkluż sistema ta’ contact tracing adegwata.

Huwa insista u għamel enfasi b’mod partikolari dwar is-sistemi tas-saħħa li jridu jippreparaw għall-eventwalità tat-tieni mewġa tal-imxija tal-Covid-19.

Id-Direttur tal-WHO sostna li huwa importanti wkoll li l-Awtoritajiet jisimgħu leħen il-komunità – Kluge sostna li l-imġieba tal-poplu hija mera ta’ kemm il-virus ser ikun qed jinfirex fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

“Minkejja li s-sħana u x-xemx, is-sitwazzjoni dwar il-virus għadha l-istess. M’għandna l-ebda vaċċin”. Għaldaqstant huwa saħaq li l-poplu Ewropew m’għandux iħaffef passejh u jibqa’ jżomm il-galbu u l-attenzjoni.

Għaldaqstant, filwaqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed tappella għall-attenzjoni u saħaq fuq il-preparamenti li l-Awtoritajiet tas-saħħa għandhom jagħmlu ghat-tieni mewġa, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li ma jridx min iwerwer bil-babaw u li l-mewġ qiegħed fil-baħar.